Futbol Sport

‘il fuq minn 4,000 partitarju Pollak se jattendu għall-logħba ta’ nhar it-Tnejn f’Ta’Qali

'il fuq minn 4,000 partitarju Pollak se jkun qed jattendi f'Ta'Qali għall-aħħar logħba kontra Malta.
'il fuq minn 4,000 partitarju Pollak se jkun qed jattendi f'Ta'Qali għall-aħħar logħba kontra Malta.

Il-grupp ta’ partitarji Maltin tas-South End Core, b’kampanja biex tħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin sabiex nhar it-Tnejn li ġej jitilgħu f’Ta’Qali b’appoġġ għat-tim nazzjonali Malti

Malta se tkun qed tagħlaq l-impenji tagħha f’Grupp G għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, nhar it-Tnejn li ġej kontra l-Polonja fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’Qali kontra l-Polonja. Għall-avversarji tagħna din se tkun logħba deċiżiva, li taf tħoll u turbot jekk jispiċċawx mal-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika finali tal-grupp.

F’din it-tieqa ta’ partiti internazzjonali ta’ Novembru, l-iskwadra ta’ Jan Urban se tkun qed tilgħab għada kontra l-Olanda u nhar it-Tnejn kontra Malta. Il-konfront ta’ għada, f’Stadion Narodowy, f’Varsavja, bejn Polonja u l-Olanda, jista’ jiddeċiedi r-rebbieħ tal-grupp u allura min minn bejn dawn it-tnejn se jkun qed jikkwalifika għall-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja b’mod dirett.

Attwalment, l-Olanda għandhom vantaġġ ta’ tliet punti fuq it-tieni post, il-Polonja, u l-Biało-Czerwoni, kif hu magħruf it-tim nazzjonali Pollak, jeħtieġ li jirbaħ bilfors biex jibqa’ jittama b’kwalifikazzjoni diretta, u mingħajr il-bżonn li jilgħab il-play-offs, għal post mal-finalisti tat-Tazza tad-Dinja li jmiss.

F’Settembru li għadda, f’Rotterdam, l-Olanda u l-Polonja kienu temmew fi draw ta’ 1-1għaldaqstant draw fil-logħba ta’ għada bejn dawn it-tnejn, ikun qed  jiffavorixxi lill-Oranġo.

Fl-aħħar match day ta’ dan il-grupp, l-Olanda se tkun qed tilgħab f’Amsterdam kontra l-Litwanja, u l-probabiltá hi li l-iskwadra ta’ Ronald Koeman dak in-nhar tikseb it-tliet punti.

Quddiem dan ix-xenarju, irrelevanti mir-riżultat li se jiksbu għada l-Pollaki kontra l-Olanda, l-aħħar logħba tagħhom f Ta’Qali kontra Malta se tkun importanti; jekk mhux biex jiksbu kwalifikazzjoni diretta, tal-anqas biex jaċċertaw posthom fil-play-offs.

Dan ifisser ukoll li ż-żewġ partiti li se tkun qed tilgħab Malta, bejn għada u nhar it-Tnejn, kontra l-Finlandja u l-Polonja rispettivament, għandhom importanza massima għall-avversarji tagħna. In-Nordiċi baqgħalhom jilgħabu biss kontra Malta. Matematikament, il-Finlandja għadhom b’ċans li jisfurzaw posthom fil-play-offs imma realistikament wieħed jifhem li dan iċ-ċans hu wieħed minimu.

Pero jekk il-Finlandiżi jridu jżommu iċ-ċansijiet tagħhom ħajjin, minimi kemm huma minimi, għada bilfors iridu jirbħu kontra Malta. Madankollu, ir-rebħ tat-tliet punti kontra tagħna, bl-ebda mod ma jiggarentixxu post għall-Finlandja fil-play-offs għal post fost il-finalisti tat-Tazza tad-Dinja tal-2026.

Dak li se jiġri għada, speċjalment fil-partita ta’ Varsavja, bejn il-Polonja u l-Olanda għandu jagħti indikazzjoni aktar ċara fuq il-verdett finali li jista’ jkolna minn dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni. Iżda rrelevanti mir-riżultat ta’ għada, il-partita ta’ nhar it-Tnejn li ġej tibqa’ importantissima għall-Pollaki kontra Malta.

Tant hu hekk, li llum kien konfermat permezz tas-South End Core, il-grupp ta’ partitarji Maltin, li s’issa, n-numru ta’ partitarji Pollaki li huma konfermati li se jattendu f’Ta’Qali, diġa’ qabeż l-4,000 persuna u skont ir-riżultat ta’ għada, dan in-numru jaf ikompli jiżdied.

Fid-dawl ta’ dan il-fatt, l-MFA u l-Pulizija, qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex nhar it-Tnejn, qabel, waqt u wara l-partita f’Ta’Qali, jaċċertaw li jkun hemm l-ogħla sigurtá possibli.

Fl-istess waqt, is-South End Core għaddejin b’kampanja b’saħħitha biex iħeġġu lill-Maltin u l-Għawdxin jattendu għal din il-partita, sabiex jagħtu s-support kollu possibli lit-tim nazzjonali Malti. Fil-veritá, meta tqis il-prestazzjonijiet li t-tim Malti ta konta l-Finlandja u l-Polonja rispettivament, Malta għandha ċ-ċans li ma tispiċċax l-aħħar fil-grupp jew saħansitra nissuperaw lill-Litwanja, li għandhom punt aktar minn Malta.

Dan ifisser li bħal nhar it-Tnejn li ġej, irrelevanti mill-qawwa tal-avversarj li se nilgħabu kontra tagħhom, din hija opportunitá sabiħa fejn nazzjon sħiħ bħal tagħna jingħaqad ilkoll flimkien wara l-iskwadra nazzjonali, biex inkunu t-tnax-il plejer ta’ Malta fil-pitch.