Fid-dawl tar-Ruling mogħti dalgħodu fil-Parlament mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Partit Nazzjonalista jiddikjara li fehem eżatt kif fehmu l-parti l-kbira tal-mezzi tal-media f’pajjiżna fir-rigward ta’ dak li qal il-Ministru Byron Camilleri dwar ir-rejd li sar fuq residenza fis-Swieqi u li fih ġew arrestati persuni li ma kinux dawk imfittxija mill-Pulizija.
Fit-tweġiba tiegħu fil-Parlament fil-bidu ta’ din il-ġimgħa għal mistoqsija tax-Shadow Minister Darren Carabott, il-Ministru għall-Intern qara minn stqarrija tal-Korp tal-Pulizija li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu bħala Ministru – liema stqarrija lbieraħ ippreżenta kopja tagħha fil-Parlament – meta qal hekk:
“….fl-operazzjoni indikata, kienu segwiti mandati maħruġa mill-maġistrat tal-għassa.”
B’dan il-kliem, il-Partit Nazzjonalista fehem eżatt lill-Ministru bħalma inzertaw fehmuh dawn l-artikli tal-ġurnali li ġew ippubblikati online, u li kopji tagħhom jinsabu mehmuża ma’ din l-istqarrija:
- Artiklu ta’ Newsbook bit-titlu: “Rejd fis-Swieqi: Il-pulizija mzew fuq ordni tal-maġistrat – Byron Camilleri” ippubblikat fil-11 ta’ Novembru 2025
- Artiklu tal-MaltaToday bit-titlu: “Police commissioner insists Swieqi police raid was at the correct address” u s-sotto-titolu: ”Police Commissioner insists Tuesday’s police raid was at the correct address, after Home Affairs saying arrest warrants are issued by magistrate” ippubblikat fit-12 ta’ Novembru 2025
- Artiklu tat-Times of Malta bit-titlu: “Armed police storm Swieqi apartment in botched raid, terrifying residents”, fejn irrappurtaw: ”Speaking to Times of Malta, Home Affairs Minister Byron Camilleri stressed the raid was made on the order of a magistrate” ippubblikat fil-11 ta’ Novembru 2025



Filwaqt li l-Ministru Byron Camilleri talab Ruling fil-Parlament dwar dan, għadu ma sabx il-ħin iwieġeb il-mistoqsijiet li sarulu fl-istess Mistoqsija Parlamentari – domandi li sa issa għadhom mhux imwieġba.
L-istess domandi għamilhom il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu tal-bieraħ, fejn wara l-kummenti li għadda l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, talab lil Byron Camilleri jiċċara s-sitwazzjoni b’mod immedjat billi jikkjarifika:
- il-persuni li kellhom jiġu arrestati jgħixux fl-indirizz fejn sar ir-rejd tas-Swieqi, imma fil-mument tal-arrest inzerta li ma kinux preżenti fil-post, bil-konsegwenza li ġew arrestati l-persuni żbaljati, persuni li mhumiex suspettati f’dan il-każ,
- inkella jikkonfermax li din hija l-konsegwenza tat-taħwid fis-sistema tal-indirizzi tal-gvern minħabba li dawn l-erba’ persuni mfittxija huma verament irreġistrati f’dak l-indirizz, imma ma jgħixux hemmhekk.
Lil hinn mill-argumenti dwar min ordna r-rejd, min għadda l-indirizz fejn twettaq, jew min ħareġ il-mandat, dan huwa dak li jinteressa lill-pubbliku, u huma dawn il-mistoqsijiet li qed jagħmlu n-nies.
Nappellaw lill-Ministru biex iserraħ ras il-poplu Malti billi jwieġeb dawn id-domandi leġittimi mill-aktar fis.
//= $special ?>

