Lokali

“Il-PN se jkompli jwettaq politika li ma tħalli lil ħadd lura” – Alex Borg

“Il-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli jaħdem fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi għaliex. Hekk biss nistgħu nattwaw politika li ma tħalli lil ħadd lura.”

Dan intqal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt intervista li kellu fil-programm Xtra fejn tkellem fuq suġġetti varji – fosthom il-Budget 2026, l-ambjent, it-trasport tal-massa, l-għoli tal-ħajja u l-arbitraġġ b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.

Alex Borg spjega li l-Budget kellu nuqqas ta’ viżjoni kif ukoll ma ndirizzax numru ta’ sfidi li qed jaffaċċja l-poplu jum wara l-ieħor. Hawnhekk, hu fakkar li waqt id-diskors tiegħu tar-replika wassal 50 proposta li ġew imfassla fl-interess nazzjonali.

Alex Borg  insista li hemm bżonn policies li verament jindirizzaw l-isfidi.

Mistoqsi fuq il-4 day work week, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq fuq l-importanza li ssir diskussjoni mal-professjonisti. Dan filwaqt li fakkar li kien hemm numru ta’ għaqdiet li ħarġu favur din il-proposta li ressaq il-Partit Nazzjonalista.

Alex Borg saħaq fuq l-importanza li l-ambjent jiġi ssalvagwardjat bħala dritt fundamentali tal-bniedem.

B’rabta mas-sentenza tal-arbitraġġ fuq il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li wara li Robert Abela ħareġ jiftaħar b’vittorja… ftit tal-jiem wara spiċċa jgħid li ma kienx hemm rebbieħ ċar.

Hawnhekk huwa fakkar ukoll li l-poplu jista’ jara b’għajnejh il-falliment ta’ dan id-deal frawdolenti.