Il-Politico żvela illi l-espert tal-Qorti Jeremy Harbinson – li ħadem fuq l-inkjesta tal-isptarijiet – qed jibża’ jiġi Malta għaliex meta kien f’pajjiżna sabiex jassisti waqt ir-raid fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-kamra tal-lukanda tiegħu kienet żgassata u anke serqulu l-passaport.
F’artiklu ppubblikat minn dan il-ġurnal awtorevoli…li sikwit ikun kwotat mill-media laburista… ġew żvelati bosta fatturi xokkanti. Fejn fost l-oħrajn intefa’ dawl fuq il-fatt li Jeremy Harbinson, li huwa espert li kien imqabbad mill-Qorti sabiex jassisti fil-każ kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Ministru Konrad Mizzi u anke l-eks Chief of Staff Keith Schembri – qed jibża’ jiġi f’pajjiżna propju għaliex qed jibża’ għal ħajtu.
Il-Partit Laburista, il-Gvern, il-magna ta’ Kastilja u anke s-Super One kienu fetħu l-kanuni fuq dan l-espert. Bil-media laburista b’mod speċjali tippubblika ruxmata stejjer b’attakki fuq Jeremy Harbinson.
F’waħda mill-istejjer li ppubblika, is-Super One qal li Harbinson mhux se jirritorna f’pajjizna. Iżda li konvenjentament ma semmiex is-Super One f’din l-istorja kien li l-passaport ta’ Harbinson kien misruq meta fl-2022, kien f’pajjiżna. U li sgassawlu l-kamra tal-lukanda tiegħu.
Harbinson huwa accountant forensiku li kien imqabbad mill-Maġstrat inkwerenti sabiex jeżamina d-deal ta’ Vitals u Steward. Hu kien fil-mira tal-akkużati, tal-Partit Laburista u anke tas-Super One – fost il-paniku li bih inħakem il-Labour wara li eks mexxej tiegħu, u numru ta’ uffiċjali għoljin fil-Gvern ġew akkużati u għaddejin bi proċeduri kriminali serji fosthom ħasil ta’ flus, misappropjazzjoni ta’ flus u frodi.
Intant, l-artiklu tal-Politico jitfa’ dawl fuq l-aħħar żviluppi marbuta mad-deal tal-isptarijiet. U l-ispiża li sofrejna bħala poplu f’dawn l-aħħar 12-il sena.
Fil-fatt, l-artiklu jsemmi kif l-arbitraġġ, il-Gvern ta’ Abela naqas milli jirkupra ‘il fuq minn €400 miljun mingħand Steward Healthcare.
//= $special ?>

