L-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, l-Irlandiż Jeremy Harbinson, ġie mmultat €500 wara li reġa’ naqas milli jattendi biex jixhed fil-Qorti, minkejja li kien innotifikat uffiċjalment biex jattendi s-seduta tal-Ħamis filgħodu.
L-Imħallef Edwina Grima ħabbret li jekk Harbinson jiġi Malta, għandu jittieħed il-Qorti immedjatament sabiex tinstema’ b’urġenza x-xhieda tiegħu. Il-kawża tikkonċerna l-ordnijiet ta’ iffrizar ta’ assi fil-konfront ta’ numru ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, bħala parti mill-proċeduri marbuta mal-inkjesta dwar il-kunċessjoni tal-isptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare.
Matul is-seduta, l-avukat Edward Gatt irrefera għas-sentenza tat-Tribunal Internazzjonali li ddeċidiet favur Malta fil-każ tal-konċessjoni. Huwa fakkar li, filwaqt li l-Avukat Ġenerali qed jitlob li jiġu ffriżati l-assi, l-Avukat tal-Istat, f’isem Malta quddiem it-Tribunal, sostna li ma kien hemm ebda serq ta’ fondi pubbliċi u li l-Gvern Malti ħallas għas-servizzi li ngħata, b’xi ħlasijiet li għadhom pendenti.
F’dan il-kuntest, l-Avukat Gatt talab biex fis-seduta li jmiss jixhed l-Avukat tal-Istat Chris Soler, talba li ġiet milqugħa mill-Imħallef Grima. L-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ammetta li s-sentenza tat-Tribunal Internazzjonali għandha importanza għall-mertu tal-kawża li tinsab quddiem il-Qorti.
Minn naħa tiegħu, l-avukat Franco Debono insista li għandu jinħareġ mandat ta’ arrest kontra Harbinson sabiex jiġi miġjub Malta. Għalkemm l-Imħallef Grima fakkret li l-Qorti Maltija ma għandhiex ġurisdizzjoni fl-Irlanda, Debono sostna li l-mandat għandu xorta waħda jinħareġ, billi dak li bħalissa mhux eżegwibbli jista’ jsir eżegwibbli fil-futur.
L-avukat Ezekiel Psaila żied jgħid li l-persuni li qed jitolbu t-tneħħija tal-ordnijiet ta’ iffrizar jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli, peress li lanqas jistgħu jiftħu kawża kostituzzjonali filwaqt li Harbinson qed jibqa’ jinjora s-sejħiet tal-Qorti.
Matul is-seduta saret ukoll konnessjoni bil-video conference mal-espert Tom Patterson, li ċaħad li kellu xi involviment mal-akkużi jew mal-proċeduri tal-iffrizar tal-assi. Intant, l-Imħallef Grima qalet li bagħtet email lill-espert Barry O’Donnell, li wieġeb li kien biss superviżur fuq numru ta’ persuni minn kumpanija li ħadmet fuq l-inkjesta u li ma kienx se jikkomunika aktar mal-Qorti.
Espert ieħor, Ron McCormick, ma wieġebx għat-talba biex jixhed, filwaqt li ma setax isir kuntatt mal-espert Stephen Clarke minħabba li ma hemmx indirizz tiegħu. Qed ikun diffiċli wkoll jinstabu Darran McLaughlin u Patrick James Anderson, li kienu biddlu l-impjieg tagħhom qabel ma l-inkjesta kienet konkluża.
Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, l-avukat Alex Scerri Herrera staqsa kif jista’ jkun li ma teżistix informazzjoni ta’ kuntatt dwar esperti li kienu maħtura mill-Qorti stess. Il-kawża ġiet aġġornata għas-27 ta’ Novembru, meta għandu jixhed Dr Chris Soler, l-Avukat tal-Istat.
//= $special ?>

