Futbol Sport

L-Ingilterra jibqgħu perfetti… Ronaldo jitkeċċa għall-Portugall

Ritratt: EPA

Minn Grupp K tal-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026 l-Ingilterra irnexxielhom jibqgħu perfetti fejn rebħu l-partiti kollha u ma qalawx gowl, hekk kif għelbu lis-Serba 2-0, f’Wembley Stadium. Il-gowls għall-Ingliżi kienu skorjati miż-żewġ plejers ta’ Arsenal fejn kien Bukayo Saka li fetaħ l-iskor fit-28 minuta b’volley preċiż, qabel fid-90 minuta kien is-sostitut Eberechi Eze li fuq pass ta’ Phil Foden spara fir-rokna tax-xibka għal 2-0.

Minn Grupp F, disfatta għal Portugall hekk kif tilfu kontra ir-Repubblika tal-Irlanda bl-iskor ta’ 2-0, liema riżultat madanakollu ma kellux effett fuq il-kwalifikazzjoni tal-Portugall. F’din il-partita wkoll tkeċċa għall-ewwel darba fil-karriera internazzjonali tiegħu il-captain Cristiano Ronaldo wara li l-VAR innutat episodju fejn Ronaldo deher ixejjer minkbu lejn difensur tal-Irlanda. Il-gowls għall-Irlanda waslu minn doppjetta ta’ Parrott fis-17 u fil-45 minuta.

Minn grupp I rebħa ta’ 2-0 għall-Italja fuq il-Moldova, li madanaollu tħallu lill-Italja prattikament ċerti li se jkollhom jilgħabu il-playoff f’Marzu li ġej, wara l-Norveġja komplew ikabbru id-differenza ta’ gowls b’rebħa ta’ 4-1 fuq l-Estonja. Il-gowls għall-Azzuri waslu minn Gianluca Mancini fit-88 minuta u Esposito fit-92 minuta.

Riżultati: Franza v Ukrajna 4-0, Azerbaijan v Iżlanda 0-2, Armenja v Ungerija 0-1, Irlanda v Portugall 2-0, Norveġja v Estonja 4-1, Moldova v Italja 0-2, Andorra v Albanija 0-1, Ingilterra v Serbja 2-0