Internazzjonali

L-Ukrajna: Tista’ tkun l-aktar  xitwa qalila għall-poplu fost l-attakki

Ir-Russja qed tkompli bl-attakki intensivi fuq il-faċilitajiet tal-enerġija fl-Ukrajna fost l-indikazzjonijiet ċari li qed taħseb biex teqred għal kollox lil dan is-settur tant essenzjali għal poplu li għadu qed jirreżisti lill-Kremlin wara kważi erba’ snin ta’ gwerra.

Dan ukoll meta l-Kremlin u l-President Russu, Vladimir Putin, qed jimplimentaw strateġiji ġodda intiżi biex ikissru l-moral tal-poplu Ukren…Fil-fatt, l-attakki attwali bil-missili u d-drones fuq in-networks tad-dawl fl-Ukrajna qed isiru qabel ix-xitwa twila u qalila tibda tħalli l-akbar impatt għall-familji ddisprati.

Fil-fatt, din ix-xitwa mistennija tkun l-aktar waħda brutali għal snin fl-Ukrajna u l-madwar…Sitwazzjoni fejn it-temperaturi għandhom jinżlu sa 20 grad taħt iz-zero.

L-attakki tar-Russi qed ikunu preċiżi u sistematiċi, tant, li l-Ukreni qegħdin ibatu mill-qtugħ tad-dawl regolari li qed idum għal massimu ta’ 16-il siegħa kuljum….Siwazzjoni li wasslet biex l-Uffiċjali tal-Gvern Ukren jippreparaw għall-‘agħar xenarju’.

L-aħbar lanqas mhi daqstant tajba għall-Ukrajna fuq il-front tal-gwerra….Dan fost l-indikazzjonijiet li l-Ukreni jistgħu jitilfu dalwaqt il-kontroll tal-belt importanti ta’ Pokrovsk, lejn il-lvant tal-pajjiż, u bir-Russi jiggwadanjaw bażi oħra minfejn jistgħu iwettqu l-attakki aktar effettivi fuq territorji oħrajn fir-reġjun ta’ Donetsk,

Aspett sinifikanti ieħor li qed jolqot ħażin lill-moral tal-Ukeni jinvolvi skandlu knir tal-korruzzjoni li qed jaffettwa lill-Gvern tal-President Volodymyr Zelensky.

Dan meta l-prosekuturi akkużaw lill-Ministri u uffiċjali fi Kiev b’li aċċettaw tixħim mingħand il-kuntratti għall-bini tal-istrutturi difensivi madwar il-faċilitajiet nukleari tal-Ukrajna. Il-Ministri qed jiċħdu l-allegazzjonijiet, iżda l-każ xorta hu perikoluż għal Zelensky minħabba s-sogru li ċ-ċivili komuni fl-Ukrajna li qed ibatu mill-kesħa u l-qtugħ tad-dawl jibdew jitilfu l-fiduċja fl-Amministrazzjoni.

Intant, qed jidhru wkoll iffriżati l-isforzi diplomatiċi lejn it-tmiem tal-Gwerra fl-Ukrajna. Fost l-inizjattivi friżati hemm il-pjani għal summit bejn Vladimir Putin u l-President tal-Istati Uniti Donald Trump, wara li Moska rrifjutat li tnaqqas mill-intensità tal-invażjoni tal-Ukrajna – u bl-Amerikani, min-naħa tagħhom, jimponu s-sanzjonijiet fuq l-esportazzoni taż-żejt u l-gass mir-Russja.