Lokali Qorti

Mixli li kellu fil-karozza tiegħu d-droga kokaina u kannabis

Żagħżugħ ta’ 21 sena minn Ħaż-Żabbar tressaq il-Qorti akkużat li nstab fil-pussess ta’ kokaina u kannabis li kienu moħbija fil-karozza tiegħu, iżda wieġeb mhux ħati għall-akkużi. Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Ian Vella, spjegat li l-pulizija nnotaw vettura timmanuvra b’mod suspettuż fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa, nhar it-Tlieta li għaddew.

Meta waqqfu lis-sewwieq, inxtammet riħa qawwija ta’ kannabis ġejja mill-vettura. Wara tfittxija, il-pulizija sabu droga moħbija fil-kaxxa tal-ingwanti u f’żewġ boroż oħra, u għalhekk arrestaw lil Matthew Zammit. Zammit ġie akkużat li kien fil-pussess ta’ kannabis grass, kannabis resin u kokaina f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu personali. Huwa ġie akkużat ukoll li kien qed isuq mingħajr liċenzja u mingħajr polza tal- assigurazzjoni.

Quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake, Zammit wieġeb mhux ħati u d-difiża, immexxija mill-avukat Franco Debono, talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Nadia Ciappara, oġġezzjonat.

L-avukat Debono talab li l-Qorti tisma’ x-xhieda ta’ omm l-akkużat qabel tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest. L-omm xehdet li binha jgħix magħha u li kienet lesta tieħu ħsiebu u tassigura ruħha li jsegwi l-obbligi tiegħu. Meta mistoqsija mill-prosekuzzjoni, il-mara qalet li taħdem u li għandha sitt itfal. Il-prosekutriċi Ciappara esprimiet tħassib li billi l-akkużat kien bla xogħol, seta’ jerġa’ jikkommetti reat ieħor.

L-Avukat Debono wieġeb li x-xhieda tal-omm kienet biss biex tikkonferma li l-akkużat għandu fejn jgħix u appella biex ma jiġix penalizzat minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi jew uffiċjali tal-probation biżżejjed biex isegwu ordnijiet temporanji ta’ superviżjoni. Huwa semma wkoll diversi emendi leġiżlattivi li saru biex jgħinu lil persuni b’problemi ta’ droga, fosthom it-twaqqif ta’ Qorti tad-Droga.

Zammit aċċetta li jiġi soġġett għal ordni temporanja ta’ trattament. Il-Qorti eventwalment tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000, bl-obbligu li jiffirma l-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa. Ġiet imposta wkoll fuq ‘curfew.’

Il-każ kien ippresedut mill-Maġistrat Ann Marie Thake. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-avukat Nadia Ciappara mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Ian Vella, filwaqt li d-difiża kienet magħmula mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.