Mario de Marco
Shadow Minister
għat-Turiżmu
Il-problemi fis-settur tat-turiżmu huma marbuta mal-problemi ġenerali li qed jiffaċċja pajjiżna. Dan il-Gvern li jħobb jiftaħar bit-tkabbir ekonomiku, wettaq politika li llum qed tissarraf f’tnawwir qawwi tal-kwalità tal-ħajja; tnawwir li qed iħossu kull min jgħix jew iżur pajjiżna.
U iktar ma tkompli tikber il-popolazzjoni ta’ pajjiżna – popolazzjoni li tinkludi element qawwi ta’ turisiti – aktar ser tkompli tiggrava din il-problema.
Pajjżna għandu bżonn jagħmel studju xjentifiku dwar il-carrying capacity… dwar kemm tiflaħ iġġorr nies fuq din il-blata. U kull żvilupp li jsir f’pajjiżna, kull investiment, kull pjan li jsir u jitwettaq għandu jkun gwidat minn dan il-carrying capacty.
Jekk inkomplu għaddejjin b’għajnejna magħluqin:
■ Ser inkomplu ngħaffġu u nitgħaffġu.
■ Ser inkomplu inżdu l-problemi tat-traffiku.
■ Ser inkomplu inżidu l-waiting times fl-isptarijiet.
■ Ser inkomplu bil-qtugħ fil-provvista tad-dawl fis-sajf.
■ Ser inkomplu bil-problemi tad-drenaġġ fil-baħar.
■ Ser inkomplu nimtlew b’aktar problemi tal-iskart madwarna.
Fuq dan donnu jaqbel miegħi ukoll il-Ministru tal-Finanzi li ftit ġranet ilu ġie rappurtat li qal li Malta ma tiflaħx iżjed turisti.
Il-Ministru tal-Finanzi kien wieħed milli xpruna lill-pajjiżna f’din il-ġirja sfrenata biex nimlew lil pajjiżna b’ħaddiema barranin, imma issa donnu ntebah li pajjiżna għandu wkoll il-limiti tiegħu.
Il-poplu qiegħed jgħix f’sitwazzjoni ta’ over crowding u din mhix limitata biss għal Kemmuna jew għal xi ftit bajjiet.
■ Qiegħda fit-toroq tagħna li saru impossibbli bit-traffiku.
■ Qiegħda fit-toroq tal-Belt u tar-Rabat fejn ma tistax tgħaddi ambulanza jekk ikun hemm bżonn.
■ Qiegħda taffettwa wkoll il-bankini fejn residenti u anzjani ma jistgħux jimxu mingħajr ma jipperikulaw ħajjithom.
■ Qiegħda f’zoni residenzjali fejn Maltin u turisiti ma jistgħux jorqdu jew joqogħdu fil-kwiet ta’ djarhom għaliex il-Gvern tilef kull sens ta’ bilanċ.
L-isplużjoni tal-popolazzjoni – effetti negattivi
Dwar il-periklu u l-konsegwenzi tal-isplużjoni fil-popolazzjoni kien wissa’ ferm minn qabel kemm il-PN imma anki oħra bħal Deloitte li fir-rapport dwar il-carrying capacity ta’ pajjiżna, kien għamel rapport li ħareġ f’Lulju tal-2022 u li fost affariijiet oħra kien bagħat messaġġ qawwi ta’ twissija lill-Gvern biex ma jibqax iwebbes rasu.
Kollox juri u jindika li aktar mal-Gvern qiegħed iżid in-numri, aktar qed jonqos il-livell ta’ sodizzfazzjoni u iżjed qed tiżdied il-frustrazzjoni tar-residenti.
Illum il-Ministru tal-Finanzi qiegħed jammetti li fir-raġunar tiegħu wasal għall-istess konklużjonijiet li dwarhom kien diġà mwissi. Imma kif jgħid l-Ingliż better late, than never!
Sadattant iżda minkejja dak li qal il-Ministru tal-Finanzi u dak li qalu Deloitte, il-pjan tal-Gvern fil-Viżjoni 2050 huwa li n-numru ta’ turisti f’pajjiżna jitla’ għal 4.5 miljun fis-sena. Dan ifisser żieda ta’ miljun turist fuq li kellna fl-aħħar tas-sena li għaddiet. Dan ifisser bejn wieħed u ieħor, medja ta’ 18,000 persuna oħra kuljum fit-toroq tagħna!
Mela min-naħa għandna lill-Ministru tal-Finanzi jgħid li jekk inkomplu inżidu t-turisiti se nagħmlu ħażin, u min-naħa l-oħra għandna l-pjan tal-Gvern li qed jgħid li hemm bżonn inżidu mal-miljun turist ieħor!
Naħseb li xi kultant l-id ix-xellugija mhux talli ma tafx x’qed tagħmel l-id il-leminija imma talli l-idejn qed jimxu kontra xulxin.
Naqblu li mit-turiżmu jiekol kulħadd u għalhekk nemmen li wasal il-mument li jsir update tal-Economic Impact Assessment tat-Turiżmu.
L-OECD, aktar kmieni din is-sena,ħarġet rapport jismu “Measuring the Economic Impact of Tourism in Malta – Guidance and Action Plan” li fih numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar x’titjib għandu jsir fil-mod kif tinġabar id-data f’pajjiżna ħalli jkun jista’ jsir kalkolu iżjed b’saħħtu u reali tal-kontribut tat-turiżmu lejn l-ekonomija tal-pajjiż.
Nemmen li s-settur tat-turiżmu huwa indispensabbli għall-ekonomija tagħna għaliex qiegħed iġib flus ġodda fir-rota tal-pajjiż. Mhux qed niċċirkolaw flus eżistenti bħalma jiġri f’setturi oħra li fihom indawru l-flus li diġà qegħdin f’pajjiżna imma qed indaħħlu flus ġodda.
Imma – u din taf tkun imma kbira – issa għandna fenomenu ġdid. Il-fenomenu tal-ħaddiema barranin li f’dan is-settur żdiedu bil-bosta.
In-numru ta’ ħaddiema f’dan is-settur żdiedu bil-bosta. Tlajna minn 23,000 ħaddiem fl-2014 għalkważi 50,000 ħaddiem fl-2024.
Jonqsu l-Maltin li qed jaħdmu fit-Turiżmu
Dan jirrifletti ż-żieda li kien hemm fl-attività fis-settur. S’hawn kollox pożittiv. Imma żgur li ħafna minn dawn il-ħaddiema huma barranin.
Skont ir-rapport ta’ Deloitte, 60% huma barranin, bin-numru ta’ Maltin dejjem jonqos flok ma jiżdied. Barranin li wħud, jekk mhux ħafna minnhom qed jirripatrijaw parti, forsi anke parti sostanzjali, mill-paga tagħhom lura lejn pajjiżhom.
Mela min-naħa għandna vit li qed jitfa’ flus ġodda fl-ekonomija u min-naħa l-oħra għandna toqba li qed tħalli l-flus joħorġu mill-ekonomija.
Dan il-fenomenu tajjeb li jiġi studjat għax il-problema tista’ tkun waħda kbira ħafna.
Il-paga medja fis-settur tat-turiżmu hija ta’ €20,000. Jekk timmultiplika dan bin-numru ta’ ħaddiema ssib li l-pagi jilħqu l-biljun ewro.
Jekk 60% huma barranin dan ifisser €600 miljun f’pagi.
Jekk 60% fil-mija tal-pagi jiġu ripatriati, allura qed nitilfu €360 miljun fis-sena!
Issa jien kont smajt li l-Bank Ċentrali kien qiegħed iħares lejn dan il-fenomenu u naħseb li tajjeb li jagħmel dan.
S’intendi dan mhux l-uniku leakage li hemm mit-Turiżmu.
Irridu niftakru li:
■ Aħna qed noffru marketing assistance lil-linji tal-ajru li jiġu hawn.
■ Aħna nimpurtaw l-ikel li jieklu it-turisti.
■ Aħna qed nissusidjaw l-elettriku li jikkunsmaw meta jkunu fostna
■ Aħna nissusidjaw it-trasport pubbliku li jużaw meta jigu fostna,
■ Aħna nissusidjaw il-gbir tal-iskart…
M’għandi l-ebda dubju li hemm iżjed pożittiv imma naħseb li jkun tajjeb li dan il-kalkolu jsir għax nemmen li huwa ferm importanti għall-policy makers li jkollhom din l-informazzjoni f’idejhom meta jkunu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet għaliex b’hekk biss tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet tajba.
M’għandi l-ebda dubju li hemm iżjed pożittiv imma naħseb li jkun tajjeb li dan il-kalkolu jsir għax nemmen li huwa ferm importanti għall-policy makers li jkollhom din l-informazzjoni f’idejhom meta jkunu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet għaliex b’hekk biss tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet tajba.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 9 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

