Opinjoni

OPINJONI: Iż-żieda ta’ residenti barranin f’Għawdex hi sostanzjali… iżda inqas minn ta’ Malta

Ir-Rabat, iż-Żebbuġ u x-Xagħra bl-akbar numru ta’ barranin

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon
u Il-Mument

Għalkemm, relattivament, in-numru ta’ residenti barranin f’Għawdex hu ftit iżgħar minn ta’ Malta, minħabba r-realtajiet ta’ gżira maqtugħa mill-mainland u pjuttost żgħira fid-daqs, fir-realtà dan il-fatt x’aktarx li jinħass aktar milli f’Malta.
Fil-verità s-sitwazzjoni ta’ Għawdex kif toħroġ minn dawn l-aħħar ċifri pubblikati mill-NSO hi hekk: in-numru ta’ residenti barranin fl-aħħar tal-2024 kien ta’ 9,492 li jġibu 23 fil-mija tal-popolazzjoni kollha f’Għawdex, u dan hu 19 fil-mija aktar milli kien fl-2012. Imqabbel mal-perċentwal ta’ Malta waħedha – jiġifieri mingħajr Għawdex – dan hu 5 fil-mija inqas.
Aktar indikattiv hu l-fatt li f’dawn it-12-il sena (2012-2024), ir-residenti barranin f’Għawdex żdiedu bi 8,105 – medja ta’ aktar minn 600 fis-sena.
Bħalma wieħed jistenna dawn ir-residenti barranin huma prattikament imxerrdin madwar Għawdex kollu. Fil-fatt il-lokalitajiet KOLLHA rreġistraw żidiet li wħud minnhom jistgħu tabilħaqq jissejħu enormi. Bħal ngħidu aħna ż-Żebbuġ – ovvjament minħabba Marsalforn – li minn 131 fl-2012 issa tela’ għal 1,771; bħar-Rabat, li minn 168 tela’ għal 1,743; u x-Xagħra, b’żieda minn 200 għal 1,023.
Lokalitajiet oħrajn b’żieda qawwija ta’ residenti barranin huma Għajnsielem u l-Munxar (li tinkludi x-Xlendi) waqt li rħula oħrajn kellhom influss iżgħar iżda sostanzjali wkoll.
Il-problema tal-overpopoulation f’Għawdex ilha tkun diskussa minn diversi entitajiet kemm dawk statali kif ukoll oħrajn li jappartjenu għas-settur privat. Dawn l-istudji, stħarriġ u rapporti, fil-biċċa l-kbira tagħhom jaslu għall-konklużjoni li din is-sitwazzjoni li nħolqot fl-aħħar 12-il sena qed toħloq xenarju fejn Għawdex spiċċa taħt pressjoni bħal qatt qabel.
U flimkien maż-żieda fil-popolazzjoni, Għawdex irid ukoll jieħu f’konsiderazzjoni n-numru kbir ta’ turisti – barranin u Maltin – li ta’ kuljum iżuru l-gżira Għawdxija u li wkoll joħolqu pressjonijiet kbar fuq is-servizzi li, wara kollox, huma intiżi biex jaqdu lill-poplu Għawdxi.
Wieħed minn dawn ir-rapporti kien indika li f’Għawdex hemm tliet gruppi etniċi ta’ nies li prinċipalment marru hemm biex jaħdmu: l-Albaniżi (650), il-Britanniċi (600), u t-Taljani (500).
Rapport ieħor magħmul għall-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fil-forma ta’ stħarriġ, jindika x’inhuma l-issues il-kbar tal-Għawdxin – stħarriġ kummissjonat is-sena l-oħra.
F’dan l-istħarriġ l-Għawdxin indikaw iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni u l-iżvilupp eċċessiv fil-lokalitajiet bħala l-aktar li qed jolqtuhom ħażin. Huma semmew iż-żieda fil-każi ta’ kriminalità, b’mod speċjali fix-Xlendi u Marsalforn.
Mill-istess stħarriġ ħareġ li numru ta’ Għawdxin stqarrew li jekk minħabba dawn l-iżviluppi negattivi jkunu kostretti jitilqu minn Għawdex, huma ma jmorrux Malta iżda jsiefru barra l-pajjiż.
Iż-żieda fin-numru ta’ residenti barranin f’Għawdex jidher li qatt ma kienet iffaċċjata bis-serjetà li jixirqilha u hu propju dan li jista’ jpoġġi lil Għawdex f’qagħda prekarja jekk ma titteħidx azzjoni pożittiva f’waqtha.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis  13  ta’ Novembru, 2025.