Opinjoni

OPINJONI: Jekk irridu pajjiż tassew child friendly

Pajjiżna jeħtieġ li jara li l-ġenituri prospettivi jistgħu jużaw l-enerġija tagħhom fuq trobbija tajba għal futuri wliedhom u mhux jinħlew fl-inkwiet ta’ kif se jlaħħqu mal-ġirja sfrenata li saret il-ħajja f’pajjiżna

Angelo Micallef

Fil-Baġit imressaq mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u fil-propaganda li segwiet dak il-Baġit ħareġ ċar kristall li l-Gvern irid jagħti l-impressjoni li kien indirizza l-problema tar-rata baxxa ta’ fertilità f’pajjiżna.
Dan fid-dawl tal-aħħar statistika maħruġa, li turi li pajjiżna għandu rata ta’ fertilità ta’ 1.06, tnaqqis ieħor fuq is-sena ta’ qabel, liema rata hija l-inqas rata fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt bosta ekonomisti jisħqu li biex pajjiż ikun f’sitwazzjoni stabbli irid ikollu rata li tal-inqas tmiss it-2.01.
Naturalment din is-sitwazzjoni ma’ tawgura xejn tajjeb għall-futur. Mhux diffiċli wieħed jinduna xi problema se jkollna jekk ikollna proporzjon enormi tal-popolazzjoni li qegħdin bil-pensjoni (il-ħaddiema tal-lum huma l-pensjonanti ta’ għada) imma ftit wisq ħaddiema jħallsu t-taxxa u jkabbru l-ekonomija (it-trabi tal-lum huma l-ħaddiema ta’ għada).
U hawn qegħdin naraw biss l-aspett ekonomiku u m’aħniex nidħlu fuq aspetti soċjali u kulturali fejn il-kultura Maltija tisfa’ mhedda eżistenzjalment jekk f’pajjiżna litteralment ma’ jkunx hawn Maltin għax ma’ jkunux twieldu Maltin.
Il-Gvern mhux jindirizza l-problemi reali
F’editorjal tagħha, The Times of Malta tisħaq li: “A study commissioned by the National Commission for the Promotion of Equality last year found that nearly 70 per cent of women and almost 60 per cent of men struggle to meet family responsibilities. Almost everyone agreed both parents should share childcare duties – yet, only one per cent of men reported doing most of the care work.
Nearly half of female respondents said their decision to have a child was influenced by the imbalance in care and housework. This is the real battleground in Malta’s fertility debate: not whether parents can afford children but whether they feel they can handle them amid life’s growing demands.
The Malta Women’s Lobby was right to argue that the fertility crisis cannot be solved through tax incentives alone. Family leave provisions – maternity, paternity and parental leave – remain inadequate. Unless leave becomes more generous and better paid, the fertility rate will not rise. As the lobby put it: “Families need time, flexibility and quality of life. Financial relief is only a part of the equation.””
Hawn joħroġ kemm huwa superfiċjali dal-Gvern li jridna nemmnu li bit-tnaqqis fit-taxxi solva l-problema kollha. Ħa nkun ċar, it-tnaqqis fit-taxxi huwa pożittiv u żgur li dawk il-familji li gawdew minnu se jieħdu gost bit-tnaqqis. Imma niddubita ħafna kemm hija kreddibli l-veduta li b’xi mod tali tnaqqis jindirizza l-problema vera.

Pajjiżna jeħtieġ li jħares il-futur tiegħu
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg min-naħa l-oħra mess ħafna aħjar il-qalba tal-problema meta saħaq li jeħtieġ li naħdmu biex ngħixu u mhux ngħixu biex naħdmu. Huwa fil-kunċett tal-‘work life balance’ u tal-‘family friendly measures’ li għalihom qiegħed jipponta b’mod ċar Alex Borg, li hemm tassew is-soluzzjoni għal pajjiżna.
Anki l-proposta ta’ ‘child trust fund’ tkompli turi li l-PN qed jifhem li l-akbar problema hija dik fit-tul u mhux fl-immedjat f’termini ta’ finanzi. Dan kollu juri kemm il-PN jinsab idu fuq il-polz tal-poplu u qiegħed jifhem li hemm bżonn serje u katina sħiħa ta’ deċiżjonijiet li iva jinkludu tnaqqis fit-taxxi, imma jeħtieġ li jinkludu wkoll bosta miżuri oħra.
Din m’għandhiex tiġi ridotta f’xi battalja politika partiġjana, jew xi logħba ta’ allarmiżmu jew xenofobija. Din hija sfida fuq livell nazzjonali u jeħtieġ li llum qabel għada nibdew nindirizzawha bl-urġenza li jistħoqq għax għada jkun tard wisq.
Pajjiżna jeħtieġ li jħares il-futur tiegħu. Pajjiżna jeħtieġ li jara li jmur lil hinn mill-‘buzzwords’ u jsir tassew pajjiż fejn hemm qafas sod u pożittiv fejn wieħed jibda u jrabbi familja. Pajjiżna jeħtieġ li jara li l-ġenituri prospettivi jistgħu jużaw l-enerġija tagħhom fuq trobbija tajba għal futuri wliedhom u mhux jinħlew fl-inkwiet ta’ kif se jlaħħqu mal-ġirja sfrenata li saret il-ħajja f’pajjiżna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 13 ta’ Novembru, 2025.