Mark A. Sammut Sassi
Fl-annu 2125, jew ’26, inti, ja Storiku tal-Futur, li x’aktarx se jkollok taħlita ta’ demm Malti u demm minjaf minn fejn, se tkun qed tqalleb il-folji tal-gazzetti ta’ żmieni biex tipprova tifhem il-bidu tas-seklu 21.
X’aktarx m’intix se tkun għadek taf sew bil-Malti, għax ħafna ta’ żmieni kuntenti li wliedhom jitkellmu Malti pidgin, li la hu Malti u lanqas Ingliż, imma tgħassida. U dan minkejja li ħafna ġenituri lil uliedhom iħallsuhom il-belli liri għal edukazzjoni suppost ta’ livell għoli.
Fl-annu 2154, għalhekk, il-Malti nistenna li jkun ilsien li inti se tkun tgħallimtu biss biex jifhem id-dokumenti storiċi tal-epoka tiegħi, li b’xi mod qed issir tixbaħ lil ta’ Boezju. Dal-imsejken Boezju għex fiż-żmien meta għotor bil-kbir l-Imperu Ruman tal-Punent u floku beda dieħel il-lejl tal-Iżmna tad-Dlam, il-bidu tal-Medju Evu. Boezju tnikket u l-unika konsolazzjoni li sab kienet il-filosofija.
Madwari, iżda, għażiż Storiku tal-Futur, ftit qed nara filosfi. In kumpens, nara prużuntużi l-aktar fost dawk li jsaħħnu l-pultruni tal-poter. Nistħajjel li fl-annu 2154, lanqas tkunu għadkom tiftakruh isem dal-Prim Ministru li għandna bħalissa, aħseb u ara għemilu. Se jkun biss nota fil-qiegħ tal-qiegħ ta’ paġna f’xi ktejjeb tal-istorja.
B’mod oġġettiv, iżda, m’għandix dubju li, 100 sena mil-lum, se tibqgħu tiftarkuh lil Robert Abela bħala l-kontinwatur tal-messaġġ tal-‘Profeta Falz’ Muscat, li lil Malta bilfors bilfors bilfors riedha ssir Dubaj fil-Mediterran. Muscat ta bidu għal terremot. Minnu li qalilna li se jġib terremot – imma fiex se jkun jikkonsisti, ma qalilniex.
Dan t’issa – Abela – qed jissoktah, avolja għandu viżjoni mċajpra. B’danakollu, iżda, hu konvint li se jsalva lill-pajjiż mill-problemi maħluqin mit-terremot li ġab ta’ qablu u li hu baqa’ jżoqq.
Il-biċċa hi, għażiż Storiku tal-Futur, li fil-Kabinett tal-Ministri donnu huma bosta li jaqblu mal-fehma li qed infisser hawn. Il-problema hi li, fuq dal-“Iskoll Maqtugħ mid-Dinja” (kif ħabib tiegħi pinġa lil Malta f’taħdita privata), il-lealtà lejn it-tribù tirbaħ fuq il-ħtieġa suprema tal-ġid tal-komunità u l-lealtà lejn il-pajjiż.
Imma ara jaħasra xi ġrali, ja Storiku tal-Futur: bħal Boezju, bdejt infittex jien ukoll l-irdoss tal-filosofija. Ħa nitrażżan, ħalli nirrapportalek x’jien nara madwari, u forsi tinqeda b’kitbieti int u tikteb l-istorja ta’ daż-żminijiet li qed ngħix fihom jien.
Tinsiex, o Storiku tal-Futur, li dan Muscat – li wħud (j)iċċelebrawh bħala “ġenju”, “Mintoff ieħor”, “il-King”, u ħmerijiet oħrajn ta’ dix-xeħta – sawwar patt tal-azzar fir-“Raba’ Sular”. (Dwar din tar-“Raba’ Sular” nistiednek fittex ftit ħalli tifhem x’hemm moħbi wara ħafna mix-xempju li għaddej bħalissa fil-pajjiż.)
B’riħet dal-patt tar-Raba’ Sular, Muscat, u issa d-dixxiplu tiegħu Abela, bidlu wiċċ il-pajjiż. Hawn ferneżija inkontrollabbli ta’ bini fuq bini fuq bini. Donnu kulħadd qed iħejji għal aktar mewġiet ta’ immigranti jew forsi nfirxet mhux it-tama imma ċ-ċertezza li l-Maltin se joktru fuq li joktru. Dil-ferneżija qed tkerrah il-pajsaġġ, tmarrad l-ambjent, toqtol ruħ in-nazzjon, ixxejjen il-karattru tal-poplu, u ġġibna lkoll qisna kkalzrati f’ħabs kbir bla nifs, bla arja, bla dawl, bla privatezza, f’ħajja bla kwalità.
Tnaqqis tal-waħx fil-kwalità tal-ħajja
Il-Prim Ministru t’issa jixtieq, kieku, miskin, isib il-bakketta maġika tal-kwalità tal-ħajja. Imma m’għandux l-iċken ħjiel ta’ fejn hi jew tista’ tkun, u lanqas ta’ kif joħloq waħda mix-xejn. Għażiż Storiku tal-Futur, l-ewwel kwart tal-ewwel seklu tal-millennju l-ġdid se jagħlaq bi tnaqqis tal-waħx fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Mhux biss aħna maħnuqin minn problemi ambjentali u ta’ traffiku – qisna qed ngħumu fi xmara ta’ ġamm u marmellata – imma wkoll qed naraw il-kultura tagħna tnin bil-qajl il-qajl b’ordi kontra ordi ta’ turisti joħonqu kullimkien u mewġiet kontra mewġiet ta’ Ażjatiċi, mix-xlokk ta’ dak il-kontinent.
Hawn il-ftit li verament qed jistagħnew. Mhux sewwasew għax ħolqu l-ġid (li hu l-veru tkabbir tal-ekonomija) imma għax il-kejk qed jinqasam b’mod differenti, u l-ġid flok jinħoloq qed jiġi ttrasferit minn banda għal oħra. Il-bosta, iżda, naqsitilhom il-kwalità tal-ħajja.
Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin qed jitnaqqrulhom jeddijiethom (u l-pagi) għax bl-influss kontinwu ta’ ħaddiema barranin, il-kotra tal-ħaddiema tħalltet bejn dawk li jafu (bejn wieħed u ieħor) jeddijiethom (il-Maltin) u l-oħrajn li ma jafuhomx (dawk ġejjin mit-Tielet Dinja). Hawn ambjent fil-qasam tax-xogħol ta’ sfruttament, bla morali jew mistħija.
Dħalna fl-UE ftit aktar minn 20 sena ilu, imma l-ħarsien tal-konsumatur għadu primittiv. Jeddijiet il-konsumatur għadhom inka fuq il-karta jew żlieġa fuq il-monitors tal-kompjuters li fil-prattika tal-ħajja ta’ kuljum ma jissarrfu f’xejn. Aħna trattati mhux bħala “sinjuri żgħar” (frażi favorita ta’ Muscat din, o Storiku tal-Futur, li Abela ma jużahiex). Aħna trattati bħala ksur il-għajn kulmeta nilmentaw, u kulmeta n-naħqa tagħna titqies naħqa ta’ ħmar, li s-sema ma titla’ qatt.
Hawn mal-100,000 jgħixu jew fil-faqar jew fuq għatbet il-faqar. Hawn numri inkwetanti ta’ żgħażagħ li qed jitilqu kuljum ifittxu artijiet oħrajn fejn jittantaw xortihom u jibnu ħajjithom. Dawk li jibqgħu ma jridux jagħmlu tfal. Kulħadd safa’ kundannat jgħix f’appartamenti ċkejknin, fejn irid jinqasam spazju komuni ma’ nies ma jafuhomx. B’xi mod morna lura għall-isqaq, li suppost ħriġna lill-poplu minnu… qisu ritorn għad-dramm ta’ Ġużè Chetcuti. Malta sejra lura bħal granċ, imma kulħadd taħt l-anestesija – dramm ieħor dan, did-darba ta’ Oreste Calleja, li kien idderiġieh Albert Marshall – mhux biss tal-ħaxixa imma wkoll tal-propaganda kontinwa tal-Gvern u l-Partit li rebaħ l-aħħar tliet elezzjonijiet.
Anqas jinftiehem l-iskop tal-ħajja
It-tifrik tal-importanza u ċ-ċentralità tal-fidi reliġjuża fil-ħajja ta’ kuljum ġab depressjoni u ansjetà bla preċedent fost iż-żgħażagħ. (https://bmcpsychiatry.biomedcentral.com/articles/10.1186/s12888-023-05091-2)
Iż-żgħażagħ jixorbu d-duttrina tal-pornografija, mitmugħa mingħajr spjegazzjoni… u billi l-ħajja timita l-arti, kulħadd jimita l-filmini, biex aktar jintilef kull sens ta’ direzzjoni u anqas jinftiehem l-iskop tal-ħajja.
(Ma kellux raġun dak il-filosfu Grieg li għallem l-ateleoloġija tal-ħajja, jiġifieri li l-ħajja hi bla skop. L-iskop tal-ħajja qiegħed f’Ġenesi 9:7, “U intom nisslu u oktru; xterdu mal-art u oktru fuqha”, li hu l-messaġġ eżatt oppost tal-messaġġ edonistiku tal-pornografija.)
Imma nistħajjel li żmienek, ja Storiku tal-Futur, se jkun żmien post-Kristjan għall-aħħar. Jew qed niżbalja? Il-pendlu se jkun oxxilla fi żmienek, jew il-pendlu żarmawh u l-qagħda qagħdet?
Inti għandek il-benefiċċju tar-retrospettiva; jien kulma għandi, it-tentazzjoni tal-estrapolazzjoni. Hu x’inhu, int u taqra fuq dawn żminijieti, aqra kollox u emmen ftit. Żomm quddiem għajnejk li taħt il-Labour, kif jammetti l-Labour stess, il-kwalità tal-ħajja waqgħet. U bil-kif.
Madwari, iżda, għażiż Storiku tal-Futur, ftit qed nara filosfi.
In kumpens, nara prużuntużi l-aktar fost dawk li jsaħħnu
l-pultruni tal-poter
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 13 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

