Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, ikkundannat liċ-ċittadin Spanjol Juan Jose Fernandez Lopez, ta’ 37 sena, għal piena ta’ seba’ snin u sitt xhur ħabs effettiv u multa ta’ €15,000, wara li ammetta flok għadda ġuri li kellu sehem fl-importazzjoni ta’ kważi 13-il kilo ta’ pjanta cannabis f’Malta fl-2020.
L-analiżi tal-espert tal-Qorti kkonfermat li s-sustanza kienet marijuana bi total ta’ 12.83 kilogramma u b’purità medja ta’ 12 fil-mija, b’valur stimat fis-suq ta’ aktar minn €243,000. L-ammissjoni saret wara patteġġament (ftehim) bejn l-Avukat Difensur tal-Ispanjol Noel Bianco u l-prosekuzzjoni. Il-Qorti ordnat ukoll li jitnaqqas iż-żmien li matulu l-akkużat kien miżmum taħt arrest preventiv u li, fin-nuqqas ta’ ħlas tal-multa, din tiġi konvertita f’piena ta’ priġunerija skont il-Kodiċi Kriminali.
Il-każ imur lura għat-14 ta’ Ottubru 2020, meta Fernandez Lopez u persuna oħra li isimha ma ġiex pubblikat waslu Malta fuq titjira minn Sevilja, Spanja. L-uffiċjali tad-dwana interċettawhom mal-wasla tagħhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u, wara tfittxija fil-bagalji, sabu 13-il pakkett mimlijin sustanza ħadra li aktar tard ġiet ikkonfermata bħala marijuana b’piż totali ta’ 12.83 kilogramma u valur stimat ta’ aktar minn €240,000.
Ix-xjentist forensiku Dr Gilbert Mercieca ikkonferma li l-materjal kien jikkonsisti f’partijiet mill-pjanta cannabis b’purità ta’ madwar 12%. Barra minn hekk, l-analiżi tad-DNA fuq il-pakketti kkonfermat li kienu jġorru profil ġenetiku li jikkorrispondi mal-akkużat, kemm fuq il-pakketti fil-bagalja tiegħu kif ukoll fuq dawk li nstabu fil-bagalja tal-koakkużat. Dan wera li kien hemm involviment dirett tal-imputat fil-preparazzjoni u l-immaniġġjar tal-pakketti.
Skont il-prosekuzzjoni, fl-14 ta’ Ottubru 2020, Fernandez Lopez u l-ko-akkużat tiegħu waslu Malta fuq titjira Ryanair minn Sevilja, Spanja, fejn kienu qed iġorru magħhom żewġ bagalji mimlijin sustanza ħadra. L-awtoritajiet tad-dwana interċettawhom mal-wasla tagħhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u, wara tfittxija, instabu 13-il pakkett li fihom parti mill-pjanta cannabis – sitta fil-bagalja ta’ Fernandez Lopez u sebgħa f’dik tal-ko-akkużat.
Fil-mument tat-tfittxija personali tiegħu, fuq Fernandez Lopez instab ukoll ammont żgħir ta’ 2.43 gramma kokaina b’purità ta’ 60%, li kienet separata mid-droga l-oħra iżda importata fl-istess ħin. Il-Qorti qieset li l-akkużat ammetta l-ħtija tiegħu fi stadju relattivament bikri u li ma kellux rekords kriminali preċedenti.
Madankollu, enfasizzat is-serjetà tar-reati relatati mat-traffikar u l-importazzjoni ta’ droga, li huma delitti gravi taħt il-Kap. 101 tal-Liġijiet ta’ Malta. Apparti l-piena ta’ ħabs u l-multa, il-Qorti ordnat ukoll il-ħlas ta’ €619.50 lir-Reġistratur tal-Qorti, rappreżentanti nofs l-ispejjeż tal-esperti maħtura fil-proċeduri, kif ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-proprjetà mobbli u immobbli kollha tal-imputat relatata mal-każ. Għall-Ispanjol deher l-Avukat Noel Bianco.
//= $special ?>

