Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li seraq karozza minn parkeġġ ta’ lukanda f’San Ġiljan

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake, ikkundannat lil Jean Paul Gaffarena, ta’ 20 sena, residenti Tas-Sliema, għal piena ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, wara li ammetta li seraq karozza minn parkeġġ ta’ lukanda f’San Ġiljan aktar kmieni dan ix-xahar.

Il-każ seħħ fis-9 ta’ Novembru 2025, meta mara rrappurtat lill-Pulizija li tilfet iċ-ċwievet tal-karozza tagħha u ftit wara ndunat li l-vettura tagħha kienet sparixxiet minn fejn kienet ipparkjata. Il-karozza nstabet nieqsa mill-lukanda fejn kienet tinsab, u wara verifiki bil-CCTV, il-Pulizija identifikat raġel jidħol fil-karozza u jitlaq biha.

Filmati minn pompa tal-petrol wrew lill-istess raġel jipprova jbiddel rota tal-vettura. Meta ma setax iħallas is-servizz, il-ħaddiema tal-pompa kitbulu isimu, li eventwalment wassal lill-investigaturi biex jidentifikaw lil Gaffarena bħala s-suspettat.

L-analiżi tal-mowbajl tal-akkużat ikkonfermat ukoll li l-postijiet fejn deher it-telefon tiegħu kienu jikkorrispondu ma’ dawk fejn inqalgħu l-avvenimenti relatati mal-karozza misruqa. Il-vettura nstabet abbandunata f’Raħal Ġdid fit-11 ta’ Novembru, u Gaffarena ġie arrestat l-għada f’Ħaż-Żebbuġ.

Matul il-proċeduri, il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata, u l-akkużat ikkonferma l-ammissjoni tiegħu ta’ ħtija. Il-Qorti saret taf li din kienet l-ewwel darba li Gaffarena kellu x’jaqsam mal-ġustizzja kriminali. Il-prosekuzzjoni nnutat li l-akkużat għandu fedina penali nadifa u sostniet li piena effettiva ta’ ħabs ma kinitx tkun ta’ benefiċċju f’dan l-istadju, filwaqt li d-difiża enfasizzat l-ammissjoni bikrija tiegħu u l-koperazzjoni mal-awtoritajiet, tgħid li kien għaddej minn perjodu diffiċli fil-ħajja tiegħu u kellu bżonn għajnuna biex jerġa’ jqum fuq saqajh.

Il-Qorti, filwaqt li qieset is-serjetà tar-reat iżda wkoll il-kundizzjonijiet personali tal-akkużat u l-fatt li wera rimors sinċier, ikkundannatu għal sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin, u sosspendietlu l-liċenzja tas-sewqan għal sena.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Camilleri u James Turner, assistiti mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Brandon Bonnici, filwaqt li l-akkużat kien rappreżentat mill-avukat tal-għajnuna legali Silvan Pulis.