Futbol Sport

Sheldon MacKay iħabbar it-tmiem tiegħu minn ma’ Valletta FC

Sheldon MacKay
Sheldon MacKay

Id-difensur ta’ 22 sena, Sheldon MacKay ħabbar it-tmiem tal-esperjenza tiegħu ma’ Valletta. MacKay, li staġun ilu kellu sehem importanti fis-suċċess ta’ Valletta, meta kisbu l-promozzjoni għall-Malta Premier miċ-Challenge League, meta lagħab f’15-il partita tal-Kampjonat, jinsab bla kuntratt.

Dan l-istaġun MacKay għadu ma lagħbx, u għalhekk jinsab ħieles sabiex jissieħeb ma’ klabb ieħor madankollu kien issa li r-right back, b’esperjenza mat-tim nazzjonali Malti ta taħt il-21 sena, ħabbar b’mod uffiċjali li l-futur tiegħu ma kienx se jibqa’ ma’ Valletta.

“Wara 17-il sena ma’ Valletta FC, wasal iż-żmien li ngħidu addiju. Xi kultant il-logħba tal-futbol tieħdok f’direzzjonijiet li ma tkunx għażiltx int. Minkejja dan, jien grat għal kull mument li kelli ma’ dan il-klabb, fejn lgħabt bil-passjoni biex inġib unur lil belt twelidi,” kiteb fuq il-midja soċjali MacKay.

Il-plejer li lagħab ftit inqas minn 50 partita ma’ Valletta, fi kwalunkwé kompetizzjoni, riċentament kien qed jirkupra minn injury. MacKay żied jgħid, “li negħleb l-injury kien wieħed mill-aktar mumenti diffiċli fil-karriera tiegħi, iżda dan il-mument għallimni l-paċenzja, ix-xogħol iebes, u l-importanza li nibqa’ ffukat biex nerġa’ lura aktar b’saħħti.”

Intant Replay hu infurmat li għal MacKay hemm interess minn diversi klabbs, inkluż klabb partikolari li jinsab mal-aħħar sitta tal-Malta Premier.

Hu mistenni li l-plejer, li għamel id-debutt tiegħu fil-Malta Premier fi Frar tal-2021, kontra Sirens bil-flokk ta’ Valletta, jieħu deċiżjoni ma jdumx dwar il-futur tiegħu, hekk kif MacKay saħaq li jinsab ħerqan li jirritorna jilgħab wara perjodu twil li matulu kien assenti.

Madankollu jidher li għall-kumplament ta’ dan l-istaġun, aktar hemm ċans li naraw lil MacKay ma’ klabb li m’huwiex fl-ogħla diviżjoni, b’sorsi li tkelmu magħna qalulna li Mġarr United, Qormi u Victoria Hotspurs, diġa’ esprimew interess fl-akkwist tad-difensur żagħżugħ.