Il-President Amerikan, Donald Trump, sa fl-aħħar, iffirma l-abbozz li jippermetti għall-finanzjament tal-Gvern u li jfisser ukoll tmiem għall-itwal shutdown tal-Amministrazzjoni fl-istorja tal-Istati Uniti.
L-iffirmar tal-baġit għal fuq qasir żmien seta’ iseħħ wara li l-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington approvah, b’222 vot kontra 209, matul il-lejl tal-Erbgħa…Vot li kien konkluż jumejn wara li s-Senat kien appoġġja lill-istess pakkett finanzjarju.
Wara l-iffirmar fl-Oval Office tal-White House, Donald Trump qal li l-Gvern, minn issa ‘il quddiem, se jkompli bil-ħidma normali, filwaqt li tenna li ‘mijiet tal-eluf tal- Amerikani batew bil-kbir il-konsegwenzi tax-shutdown li dam xejn anqas minn 43 jum’.
Il-parti kbira tas-servizzi tal-Gvern Amerikan kienu ilhom sospiżi minn Ottubru, b’madwar 1.4 miljun ħaddiem mal-aġenziji federali jkunu kostretti li jieħdu l-leave mingħajr ħlas inkella jagħżlu li jaħdmu mingħajr paga.
L-għajnuna tal-ikel mill-Food Banks ukoll spiċċat wieqfa għall-ġimgħat – bit-titjiriet domestiċi jgħaddu minn kaos assolut.
Is-servizzi tal-Gvern mistennija jiftħu mill-ġdid fil-ġranet li ġejjin, bit-traffiku tal-ajru jirritorna, bil-mod, għan-normal fil-ġranet qabel Thanksgiving Day, li hi festa importanti għall-Amerikani kollha. Dan wara li l-Amministrazzjoni għall-Avvjazzjoni Federali (FAA) kienet naqqset it-titjiriet minħabba n-nuqqas tal-istaff b’konsegwenza tax-shutdown.
//= $special ?>

