L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-belt ta’ Milan fetaħ investigazzjoni dwar suq tat- turiżmu mill-aktar makabru u li kien attiv lejn l-aħħar tas-seklu l-ieħor …Settur li permetta biex iċ-ċittadini sinjuri Taljani, fil-bidu tad-disgħinijiet, jivvjaġġaw lejn il-Bosnija-Erżegovina biex iwettqu kaċċa għall-persuni innoċenti – inklużi tfal – waqt hekk-imsejjaħ ‘sniper safari’.
L-atroċitajiet mogħtija libsa kummerċjali seħħew meta l-Gwerra tal-Bosnja kienet fl-aqwa tagħha, fost il-konflitt bejn il-Musulmani Bosnijaċi u l-qawwiet Serbi lokali appoġġjati mill-eks-reġim Serb tad-dittatur Slobodan Milosevic.
Qed ikun allegat li dawn it-Taljani sinjuri u oħrajn kienu ħallsu somom kbar ta’ flus biex jitwasslu fil-belt ta’ Sarajevo bil-ħsieb li jisparaw għal fuq iċ-ċivili f’inħawi li dak iż-żmien kienu taħt assedju kontinwu.
Kien proprju l-ġurnalist Ezio Gavezzani li ressaq il-każ quddiem il-Prosekutur u fejn qed jgħid li ‘dawn is-sinjuri kellhom passjoni kbira għall-armi u anki riedu jittestjawhom fuq in-nies innoċenti ta’ Sarajevo…’ Ingħad ukoll li ‘is-safaris għall-bnedmin’ setgħu jsiru mill-pożizzjonijiet ikkontrollati mis-Serbi qalb l-għoljiet madwar Sarajevo.
Hu indikat li l-persuni li permettew għal dawn il-‘ġiti mdemmija’ kienu jitolbu ħlas differenti mingħand il-klijenti, f’sitwazzjonijiet fejn dawn ‘xtaqu li joqtlu raġel, mara jew tifel skont l-għażla’.
Mietu ‘il fuq minn 11,000 persuna waqt il-gwerra brutali tal-Bosnja li damet mill-1992 sal-1995.
Dan meta l-Federazzjoni antika tal-Jugoslavja kienet inqasmet b’riżultat tal-konflitti storiċi fir-reġjun tal-Balkani – b’Sarajevo tispiċċa ċirkondata mill-qawwiet Serbi, fost il-bumbardamenti u sparar kontinwu fuq iz-zoni residenzjali.
Din mhix l-ewwel darba li ħarġu l-allegazzjonijiet dwar ‘il-kaċċaturi barranin li ħallsu flus tajbin għal sehem dirett fil-massakri tal-Bosnja’.
Intant, il-materjal ta’ prova miġbur minn Gavazzeni, issa, qed ikun analizzat minn Alessandro Gobbis, il-Prosekutur Ewlieni Taljan għal kontra t-Terroriżmu…Il-provi jinkludu x-xhieda ta’ uffiċjal mas-servizzi militari tal-Bosnja u mhux eskluż li, ‘il quddiem, jitressqu l-mandati ta’ akkuża fil-konfront ta’ wħud rigward omiċidju premeditat.
L-Uffiċjal fil-Bosnja żvcla li l-kollegi tiegħu kienu skoprew dwar is-‘safaris’ lejn l-aħħar tal-1993 u, sena wara, kienu għaddew din l-informazzjoni lis-servizzi sigrieti militari Taljani tas-Sismi.
L-istess servizzi, wara, saru jafu li ‘it-turisti għal dawn is-safaris’ kienu qed jaqbdu ajruplan mill-belt Taljana ta’ Trieste qabel jivvjaġġaw lejn l-għoljiet li jħarsu direttament fuq Sarajevo.
Mifhum ukoll li kienu ttieħdu passi partikulari biex jieqfu dawn il-ġiti qattiela – bil-għan ikun irrealizzat fi kwistjoni ta’ ftit xhur. Ma ngħatawx dettalji dwar kif twaqqfet din il-kaċċa brutali.
Ezio Gavazzeni, hu famuż ukoll għan-novelli dwar it-terroriżmu u l-mafja. Intant, hu kien ilu li qara dwar is-‘sniper tours’ fil-Bosnja, wara li l-każ kien irrappurtat mill-gazzetta Corriere della Sera li (madankollu) ma preżentatx provi konkreti inkella rapporti oħrajn magħrufin bħala ‘follow-ups’.
Gavazzeni iddeċieda li jindaga aktar dwar il-‘qtil għall-gosti tal-individwi’ wara li kien ra d-dokumentarju tal-2022 bl-isem “Sarajevo Safari”, tad-direttur Sloven, Miran Zupanic…Dokumentarju li jallega li t-turisti involuti f’dan il-qtil ma kenux ġejjin biss mill-Italja, iżda kienu jinkludu wkoll persuni mill-Istati Uniti u r-Russja.
Sadanittant, kien proprju fi Frar li Gavazzeni għadda r-riżultati tal-investigazzjonijiet tiegħu lill-Prosekuturi u wara li hu rnexxielu jibni dossier ta’ 17-il paġna u li jinkludi anki rapport mill-eks-Sindku ta’ Sarajevo, Benjamina Karic.
//= $special ?>

