Fil-Qorti tal-Minorenni, il-Maġistrat Abigail Critien tifel ta’ 14-il sena ammetta li weġġa’ serjament minorenni ieħor u fuq ammissjoni – il-Qorti kkonkludiet li huwa ħati ta’ dak kollu li kien akkużat bih. Fid-dawl tas-serjetà tal-każ u taċ-ċirkostanzi tiegħu, il-Qorti kkundannatu għal 36 xahar ħabs effettivi.
Il-Qorti eżaminat it-talbiet l-oħra tal-Prosekuzzjoni fosthom rigward l-Ordni ta’ Protezzjoni fejn innutat li din l-ordinanza tapplika matul il-kors tal-kawża, u għalhekk f’dan l-istadju ma setgħet tagħmel xejn aktar dwarha. Madanakollu, il-Qorti ordnat Ordni ta’ Trażżin favur il-vittma għal sentejn mid-data tas-sentenza sabiex tipproteġi lill-persuna affettwata.
Iż-żagħżugħ ta’ 14-il sena ġie mixli dwar inċident li seħħ fil-31 ta’ Jannar 2024 f’Ġnien Ingraw fil-Mellieħa. Skont l-akkużi, iż-żagħżugħ kien allegat li weġġa’ serjament minorenni ieħor u kkawżalu ferita gravi u sfregament fuq wiċċu, kif ikkonfermat minn tabiba. Barra minn hekk, kien mixli li ħebb għalih biex jagħmillu ħsara u li qalllu kliem offensiv u theddid.
Meta ġie ċitat il-Qorti f’Jannar 2025, il-Prosekuzzjoni qrat l-akkużi u ż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati. Madankollu, xahar wara, f’Frar 2025, huwa bidel il-pożizzjoni tiegħu u għamel ammissjoni sħiħa u bla kundizzjoni għall-akkużi.
Il-Qorti wissietu sewwa dwar ix-x’jista’ jiġri wara ammissjoni, tatlu ċans jikkonsulta mal-avukat tiegħu, u wara li kkonferma li ried jibqa’ mal-ammissjoni, il-Qorti laqgħet id-dikjarazzjoni tiegħu. Il-Qorti ordnat Pre-Sentencing Report biex tifhem aħjar is-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu, kif ukoll l-imġiba tiegħu.
L-Uffiċjal tal-Probation irrimarka dwar imġiba devastanti, problemi ta’ ADHD, nuqqas ta’ maturità emozzjonali u diffikultà li jikkopera ma’ awtoritajiet. Minkejja li ngħatatlu Ordni Proviżorja ta’ Superviżjoni biex jagħmel progress qabel is-sentenza, iż-żagħżugħ baqa’ ma jikkoperax u ma wera ebda rieda li jbiddel l-imġiba tiegħu, lanqas bl-għajnuna professjonali li kienet offerta lilu. Barra minn hekk, naqas li jattendi diversi seduti tal-Qorti mingħajr ġustifikazzjoni valida.
Fil-ħsieb tagħha dwar il-piena, il-Qorti qieset li l-ammissjoni tiegħu saret kmieni, li għandu fedina penali nadifa, u li huwa minorenni, iżda ma setgħetx tinjora s-serjetà tal-ġrieħi li kkawża u l-fatt li rrifjuta bla ebda raġuni li jagħmel xi ħaġa biex jitjieb. L-imġiba tiegħu, kemm matul il-proċess kif ukoll mal-Probation Officer, wriet li ma kellu ebda intenzjoni jitgħallem jew jirriforma ruħu.
Għalhekk, il-Qorti qieset li ma fadal ebda soluzzjoni oħra ħlief li tikkundannah għal 36 xahar priġunerija effettiva. Fl-istess waqt ħarġet Ordni ta’ Trażżin favur il-vittma għal żmien sentejn, biex iż-żagħżugħ ma jistax jersaq lejh jew jikkuntattjah. Barra minn hekk, ħarġet ‘Treatment Order’ ta’ sentejn biex jiġi indirizzat b’mod professjonali l-ADHD tiegħu u problemi oħra ta’ imġiba u personalità.
Il-Qorti ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lid-Direttur tal-Probation and Parole, u li l-uffiċjal tal-Probation għandu jirrapporta l-progress tiegħu kull tliet xhur. Peress li ma nħatar l-ebda espert fil-kawża, il-Qorti ma imponiet l-ebda spejjeż relatati.
//= $special ?>

