Cristiano Ronaldo jinsab f’riskju li jitlef l-ewwel żewġ partiti fil-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja li se ssir s-sena d-dieħla. Iżda biex dan isseħħ, il-Portugall trid tispiċċa l-ewwel fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni u b’hekk tkun qed tingħaqad mal-lista tal-pajjiżi finalisti li se jilgħabu fit-23 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li għall-ewwel darba se tkun qed issir f’tliet pajjiżi.
Il-bieraħ, il-captain tal-Portugall, Ronaldo tkeċċa mir-referee Żvediz, Glenn Nyberg wara li fil-partita kontra l-Irlanda, deher jagħti daqqa bil-minkeb lid-difensur, Dara O’Shea.
Minħabba f’hekk, Ronaldo se jiskonta sospensjoni minima ta’ logħba waħda, li jfisser li żgur se jitlef l-aħħar logħba ta’ kwalifikazzjoni, li l-Portugall se tkun qed tilgħab għada kontra l-Armenja. Madankollu, in-natura tat-tkeċċija tista’ twassal għal sospensjoni ta’ tliet logħbiet, skont ir-regoli tal-FIFA. Hu propju għalhekk li Ronaldo qed jirriskja li f’każ li l-Portugall jirbħu l-grupp ta’ kwalifikazzjoni, u l-bord tad-dixxiplina jagħżel li jagħti sospensjoni ta’ tliet partiti lill-attakkant ta’ 40 sena, Ronaldo ma jkunx jista’ jilgħab fl-ewwel żewġ partiti tal-Portugall, fil-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja.
Iżda f’dan il-mument, dan hu wieħed mix-xenarji possibli, u jista’ ma jiġri xejn minn dan, speċjalment jekk Ronaldo jingħata sospensjoni minima ta’ logħba waħda. Aktar minn hekk, il-Portugall għad trid taċċerta r-rebħ tal-grupp rispettiv tagħha, u jista’ jkun il-każ li jkollhom bżonn jilgħabu l-play-offs bit-tama li jirbħu post bħala wieħed mit-48 pajjiż finalist tat-Tazza tad-Dinja.
Kontra l-Irlanda, il-Portugall tilfu 2-0 u għalkemm is-Seleção das Quinas xorta għadhom l-ewwel fil-grupp u jridu jirbħu bilfors fl-aħħar partita kontra l-Armenja, biex jaċċertaw ir-rebħ ta’ Grupp F. Bl-iskor 2-0, fid-59 minuta, Ronaldo tkeċċa b’ħamra diretta.
Wara l-partita, tkellem il-kowċ tal-Irlanda, Heimir Hallgrimsson fejn sarkastikament qal li dak li wassal biex Ronaldo jiżbalja fil-logħba, u tkeċċa għal daqqa ta’ minkeb lill-plejer avversarju, kien il-kumment li l-kowċ għadda dwar Ronaldo lejlet il-partita.
Waqt il-konferenza stampa ta’ qabel il-partita, Hallgrimsson ħeġġeġ lir-referee tal-logħba, biex ma jħallix lil Ronaldo jikkontrolla jew jinfluwenza l-kontroll arbitrali tiegħu.
Dan il-kumment dejjaq lil Ronaldo, tant li skont Hallgrimsson, fil-mument li l-Portugiż tkeċċa u kien ħiereġ barra mill-pitch, Hallgrimsson qal li “faħħarni talli għamilt pressjoni fuq ir-referee.”
Hallgrimsson, f’kummenti li ta wara l-partita, żied jgħid li “kienet l-azzjoni tiegħu fil-grawnd li swietlu l-karta l-ħamra. Ma kellha x’taqsam xejn miegħi – sakemm ma kienx ossessjonat b’dak li għedt u bqajt f’moħħu.”
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Ronaldo ħabbar li t-Tazza tad-Dinja tas-sajf li ġej, se jkun l-aħħar turnament li se jkun qed jilgħab qabel ma jirtira minn plejer tal-futbol.
//= $special ?>

