Il-Bank of Valletta (BOV) għadu kif ospita l-ewwel Investor Days tiegħu f’Malta, fejn laqqa’ lill-azzjonisti, klijenti u partijiet interessati mill-komunità finanzjarja għal diskussjoni dwar il-prestazzjoni, l-istrateġija u l-pjanijiet ta’ kapital tal-Bank. Waħda mis-sessjonijiet ixxandret ukoll b’mod dirett online, biex firxa usà ta’ persuni jkunu jistgħu jsegwu u jinvolvu ruħhom fid-diskussjoni.
Is-sessjonijiet kienu jinkludu interventi minn esponenti ewlenin tal-Bank, fosthom iċ-Chairperson, Gordon Cordina, il-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia, u ċ-Chief Financial Officer, Kevin Cardona.
L-avveniment kien jinkudi wkoll diskussjoni minn esperti tal-Bank, fosthom Anatoli Grech, Group Chief Compliance Officer; u Simon Azzopardi, Chief Personal and Wealth Officer.
Fil-ftuħ tal-avveniment, Cordina saħaq fuq l-irwol importanti li għandu l-Bank biex iwieżen l-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta u jsostni l-valur sostenibbli fit-tul tal-azzjonisti tiegħu. “Dawn l-Investor Days jirrappreżentaw pass importanti biex insaħħu r-relazzjoni tagħna mas-suq u jirriflettu l-impenn tagħna lejn it-trasparenza u l-offerta ta’ vhalur lill-partijiet interessati u lill-komunità Maltija b’mod ġenerali.”
Fl-intervent tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia spjega x’inhuma l-isforzi ta’ trasformazzjoni li qed iniedi l-Bank biex isaħħaħ l-esperjenza tal-klijent kemm fuq iċ-channels diġitali kif ukoll meta l-klijent jinqeda wiċċ imb wiċċ, it-titjib fil-mod kif jiġu pprovduti s-servizzi u kif il-Bank qed jappoġġja t-tkabbir fil-finanzjament, filwaqt li jżomm dixxiplina soda fir-riskju. “Qed inkomplu nikbru b’dixxiplina u b’attenzjoni, billi nappoġġjaw lill-familji u lin-negozji u fl-istess ħin niżguraw prestazzjoni sostenibbli. Dawn is-sessjonijiet jagħtu lill-partijiet interessati tagħna l-opportunità jifhmu aħjar it-trajettorja u l-prospetti ta’ tkabbir tal-Bank.”
L-aġġornament finanzjarju ppreżentat miċ-Chief Financial Officer wera livelli solidi ta’ depożiti, attività tajba fis-self, kwalità stabbli tal-assi u pożizzjoni ta’ kapital immaniġġjata b’kawtela. “Il-pożizzjoni finanzjarja tagħna tirrifletti eżekuzzjoni konsistenti u ppjanar għall-futur. Qed inkomplu nsaħħu r-reżiljenza filwaqt li nżommu l-kapaċità li niffinanzjaw it-tkabbir. L-istrateġija tal-kapital tagħna tibqa’ waħda sostnuta, dixxiplinata u allinjata mal-ħolqien ta’ valur fit-tul,” ikkummenta Kevin Cardona.
Wieħed mill-punti ewlenin tal-BOV Investor Days kien il-fokus fuq il-programm ta’ Medium Term Notes tal-Bank ta’ €325 netmiljun u l-ewwel tranche ta’ €100 miljun (sa massimu ta’ €125 miljun) f’Subordinated Bonds. Il-bonds joffru kupun ta’ 5%, jimmaturaw f’perjodu massimu ta’ 10 snin u jinkludu għażla jiġu mifdija bejn il-5 u l-10 sena . L-iskema hija miftuħa għall-pubbliku ġenerali, b’applikazzjonijiet minimi ta’ €10,000 għal investituri retail u €100,000 għal investituri istituzzjonali. L-offerta hi parti mill-istrateġija kontinwa tal-Bank ta’ ottimizzazzjoni tal-kapital biex tappoġġja tkabbir sostenibbli fil-karta tal-bilanċ.
Minħabba l-karatteristiċi tiegħu, il-bond jiġi kklassifikat bħala strument kumpless u jista’ jkun diffiċli biex jinftiehem minn investituri potenzjali. Għalhekk jista’ ma jkunx adattat għal kull tip ta’ investitur. Il-pubblikazzjoni tal-Base Prospectus u t-Termini Finali, kif ukoll informazzjoni addizzjonali, huma disponibbli fuq https://www.bov.com/bond-prospectus.
Il-parteċipazzjoni inkoraġġanti tal-partijiet interessati fl-ewwel Investor Days tal-Bank tawgura tajjeb għall-futur, u l-Bank għandu l-intenzjoni jibni fuq dan is-suċċess permezz ta’ aktar sessjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-investituri fil-futur.
//= $special ?>
