Lokali Qorti

Il-Qorti ma’ tilqax l-appell minn individwu dwar żvilupp fil-Bidnija

Il-Qorti tal-Appell, ma laqgħetx l-aappell ta’ Jason Vella wara li eżaminat il-każ bejn l-għaqdiet ambjentali Moviment Graffiti u Din l-Art Ħelwa kontra l-Awtorità tal-Ippjanar u Jason Vella dwar il-permess PA 7946/18.

Dan il-permess kien biex tinbena struttura agrikola fil-Bidnija, iżda l-għaqdiet kienu talbu r-revoka tiegħu taħt l-Artikolu 80 tal-Att dwar l-Ippjanar, għaliex sostnew li l-informazzjoni li kienet ingħatat fil-proċess tal-applikazzjoni kienet żbaljata u materjalment rilevanti.

L-Imħallef Mark Simiana qabel mat-Tribunal għar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar u kkonferma li l-permess – magħruf bħala l-permess għall-“sheep farm” fil-Wied tal-Bidnija – għandu jibqa’ revokat għal kollox. Il-proġett, li kien jinkludi bini massiċċ fuq bosta sulari b’żoni ta’ rikreazzjoni u anke pixxina, kien ippjanat f’qalb żona kompletament ODZ u magħrufa għall-abitat naturali delikat tagħha.

Il-Moviment Graffitti u Din l-Art Ħelwa kienu ressqu appell wara li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet irrevokat il-permess, iżda fl-istess ħin kienet ordnat li l-applikazzjoni terġa’ tiġi pproċessata mill-ġdid. L-NGOs sostnew li dan ma setax isir – ladarba l-permess ikun revokat, il-liġi ma tippermettix li l-istess applikazzjoni “tqum mill-ġdid” awtomatikament. L-uniku pass possibbli kien li l-permess jibqa’ revokat u li, jekk l-iżviluppatur ried, kellu jiftaħ applikazzjoni ġdida minn tal-bidu.

L-NGOs argumentaw ukoll li kien hemm raġunijiet oħra serji biex il-permess jiġi revokat definittivament, b’mod partikolari l-fatt li fil-formoli kien tħalla barra l-istatus skedat tas-sit. Dan in-nuqqas wassal biex il-pubbliku ma kienx infurmat b’mod korrett dwar is-sensittività tal-post u l-politiki speċjali li japplikaw għas-siti skedati. Skont l-NGOs, din l-informazzjoni mhux korretta kienet ħarbtet il-proċess kollu.

Il-Qorti bħat-Tribunal aċċetta dawn l-argumenti, qabel mal-NGOs u ddeċieda li l-permess għandu jibqa’ revokat definittivament, mingħajr ebda proċessar mill-ġdid tal-applikazzjoni. Din id-deċiżjoni tfisser konferma ċara li l-iżvilupp propost ma kellu qatt jiġi approvat u li l-Wied tal-Bidnija għandu jibqa’ protett mill-bini mhux sostenibbli.

Il-Qorti osservat li fil-formola tal-applikazzjoni, Jason Vella kien iddikjara li s-sit ma kienx skedat, meta fil-verità kien jinsab f’żona AEI Level 3. Dikjarazzjoni bħal din, anke jekk is-case officer kien jaf x’inhi l-klassifikazzjoni tas-sit, kienet xorta waħda informazzjoni żbaljata ta’ natura materjali, għaliex affettwat il-mod kif ġiet trattata l-applikazzjoni mill-awtorità.

Fil-fatt, il-case officer u l-bord qatt ma indirizzaw il-policies obbligatorji li japplikaw għal siti skedati, bħan-NWCO 6 u l-politika 1.2G. Dan wassal biex il-pubbliku ma kellux stampa ċara tas-sit, għalhekk in-neighbours u l-għaqdiet ma kinux f’pożizzjoni jagħmlu osservazzjonijiet informati.

Il-Qorti għamlitha ċara li dan hu biżżejjed biex jissodisfa l-kundizzjoni tal-Artikolu 80(1)(b), li tirrikjedi li jkun sar ċediment jew allegazzjoni ta’ informazzjoni inkorretta li jkollha impatt reali fuq il-proċess u r-riżultat tiegħu.

Wara li żgurat li r-revoka tal-permess kienet ġustifikata, il-Qorti daret għall-parti l-oħra tad-deċiżjoni – jiġifieri l-ordni tal-Bord tal-Ippjanar biex l-applikazzjoni terġa’ tiġi ppubblikata u proċessata mill-ġdid. Hawnhekk il-Qorti qalet li l-Att dwar l-Ippjanar ma jagħtix setgħa lill-Bord jagħmel dan. L-Artikolu 80 jippermetti biss żewġ rimedji: jew ir-revoka tal-permess jew tibdil fil-permess.

Ma teżisti ebda bażi legali li tippermetti lill-Bord “jerġa’ jiftaħ” l-applikazzjoni bħala li kieku kienet ġdida, u għalhekk parti mid-deċiżjoni kienet meħuda ultra vires. Il-Qorti fakkret ukoll fis-sentenza Moira Delia vs Awtorità tal-Ippjanar (2024), li kkonfermat eżattament dan il-prinċipju.

Għaldaqstant, fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti kkonfermat ir-revoka tal-permess iżda ħassret l-ordni dwar il-proċessar mill-ġdid tal-applikazzjoni. Is-sit jibqa’ mingħajr permess u l-applikazzjoni ma tistax terġa’ titmexxa awtomatikament; jekk l-applikant irid jerġa’ jipprova, irid jiftaħ applikazzjoni ġdida mill-bidu, u jissottometti informazzjoni korretta u kompleta skont il-liġi.