Id-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar dwar żvilupp kontroversjali f’Santa Luċija ġiet annullata mill-Qorti tal-Appell wara li l-Kunsill Lokali tal-lokalità, bħala terz interessat, fetaħ rikors u sostna li l-proċedura adottata kienet miksura b’mod serju u fundamentali. Dan ħareġ minn sentenza mogħtija mill-Imħallef Mark Simiana fil-il-Ġimgħa filgħodu.
“Santa Luċija reġgħet rebħet. Dak li bdejna aktar minn ħames snin ilu bħala residenti u difensuri tal-lokalità tagħna, issa reġa’ ġie konfermat bħala suċċess.” Hekk iddikjara l-Kunsillier Lokali u Minority Leader ta’ Santa Luċija, Liam Sciberras, hekk kif il-Qorti tal-Appell annullat id-deċiżjoni tat-Tribunal u kkonfermat li l-permess għall-iżvilupp propost ma kellux jinkiseb.
Sciberras qal li l-ġlieda kontra dan l-iżvilupp beda dak iż-żmien flimkien mal-kollega tiegħu Connie Debattista, meta r-residenti tal-lokalità rrifjutaw li jaraw lil Santa Luċija tinbidel f’żona ta’ bini żejjed u insostenibbli. “Bqajna nemmnu fiha għal ġid tal-lokalità u r-residenti tagħna,” sostna Sciberras. “Flimkien magħkom il-ġlieda ma qagħditx lura – ġliedna għal dak li ma kienx sostenibbli.”
Skontu, ir-rebħa ma tagħtix biss sodisfazzjon iżda terġa’ timla lil dawk li jaħdmu għall-komunità b’kuraġġ u determinazzjoni. “Aħna rridu ngħixu fil-paċi u t-trankwillità. Santa Luċija hija mudell ta’ kif il-bini għandu jkun ippjanat b’mod sostenibbli. Hekk irridu nibqgħu.”
Sciberras ta ringrazzjament speċjali lil Michael Pulè, li fil-passat kien fdah b’din ir-responsabbiltà u tah l-appoġġ biex jaħdem għall-lokalità. Fost l-iktar affarijiet li enfasizza kien l-appoġġ konsistenti tar-residenti. “Grazzi lir-residenti kollha li kienu magħna f’din il-mixja tagħna għal aktar minn ħames snin. Din ir-rebħa hija tagħkom ukoll.”
Huwa temm jafferma li se jibqa’ hemm għal dawk li jirrappreżenta: “Dejjem hemm għalikom,” kien il-messaġġ qawwi tiegħu. Il-każ jinvolvi l-applikazzjoni li kienet tirrigwarda l-iskavar u żvilupp ta’ garaxx, maħżen domestiku fil-basement u tliet residenzi f’17, Valeview, Triq il-Gibjun.
Ir-rifjut seħħ minħabba l-impatt negattiv fuq il-linja tal-orizzont u l-iskontinwità tad-disinn meta mqabbel mal-istreetscape, kif ukoll fuq il-bażi li l-proposta kienet tikkontrasta mal-karattru ta’ żona residenzjali ta’ densità baxxa li tħares lejn ODZ, b’żewġ objettivi tal-SPED u dispożizzjonijiet tal-Att tal-Ippjanar juru li l-iżvilupp ma kienx kompatibbli mal-kuntest urban.
L-applikant, Gino Ellul, appella quddiem it-Tribunal u ressaq żewġ aggravji prinċipali wara li l-ewwel talba kienet miċħuda. Huwa qal li l-Awtorità kienet żbaljat meta qalet li l-proġett jikser il-linji gwida dwar l-iskyline u l-uniformità tad-disinn, għax iddisinja l-faċċata b’mod konservattiv u fil-linja ma’ dak li jidher fil-viċinat, inkluż stil tat-tmeninijiet.
It-Tribunal, fid-deċiżjoni tiegħu tal-11 ta’ Ottubru 2022, kien laqa’ l-appell u ordna l-ħruġ tal-permess. Sostna li żviluppi simili kienu ġew approvati fil-viċinanzi, li s-sit kien konformi mal-limiti tal-għoli u li l-istreetscape ma kellu l-ebda uniformità jew valur arkitettoniku partikolari li kellu jiġi protett. Din id-deċiżjoni, madankollu, fetħet il-bieb għal kontestazzjoni serja mill-Kunsill Lokali.
Fil-proċess tal-appell quddiem il-Qorti tal-Appell, il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija argumenta li fit-Tribunal seħħ ksur gravi tal-prinċipju ta’ ġustizzja proċedurali, għax ġew ippreżentati pjanti ġodda minn Gino Ellul quddiem it-Tribunal skont l-Artikolu 31 tal-Kap. 551 mingħajr ma dawn ġew formalment notifikati lill-Kunsill.
Dan, skont il-Kunsill, ippreġudikah severament, għax ġie mċaħħad mid-dritt fundamentali li jara, janalizza u jissottometti osservazzjonijiet dwar dokumentazzjoni li setgħet kellha impatt dirett fuq id-deċiżjoni tat-Tribunal. It-telf ta’ dan id-dritt kisser il-prinċipju tal-“equality of arms”, fejn il-partijiet għandhom ikunu fuq livell ugwali fil-proċedura.
Il-Qorti tal-Appell qablet mal-pożizzjoni tal-Kunsill u rrikonoxxiet li tali nuqqas ta’ notifika jikkostitwixxi vjolazzjoni serja tal-proċess ġust. Il-Qorti rrimarkat li Tribunal amministrattiv għandu jopera b’mod trasparenti u għandu jassigura li kull dokument li jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni tiegħu jkun kondiviż b’mod xieraq mal-partijiet kollha involuti. Peress li dan ma seħħx, ġiet konkluża li l-proċedura kienet difettuża u li d-deċiżjoni tat-Tribunal kienet imniġġsa minn nuqqas ta’ ġustizzja fundamentali.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell annullat b’mod sħiħ id-deċiżjoni tat-Tribunal tas-17 ta’ Ġunju 2025 u ordnat li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni oriġinali tal-Awtorità tal-Ippjanar li kienet irrifjutat il-permess. B’hekk, il-permess għall-iżvilupp ma jistax jingħata u l-proċess jerġa’ lura għall-pożizzjoni inizjali kif kienet qabel id-deċiżjoni tat-Tribunal. Għall-Kunsill dehru l-Avukati Liam Sciberras u Edward Zammit Lewis filwaqt li għall-parti l-oħra deher l-Avukat Robert Musumeci.
//= $special ?>

