Il-Qorti tal-Appell ħassret permess ta’ żvilupp għal blokka ta’ djar u uffiċċju fil-Pietà, wara li sabet li t-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar qabeż setgħat meta, fl-istess deċiżjoni tiegħu, ordna li jiġu sottomessi pjani ġodda.
Id-deċiżjoni, mogħtija mill-Imħallef Mark Simiana, kienet tirrigwarda żewġ appellijiet separati li nħarġu minn deċiżjoni tat-Tribunal tal-22 ta’ Mejju 2025 fuq l-appell tal-ippjanar numru 41/2025. L-appellanti kienu Ciantar Properties Limited, li kienet applikat għall-permess, u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, li kienet oġġezzjonat għall-proġett.
Il-permess kien għal binja ta’ seba’ sulari b’parkeġġ taħt l-art, uffiċċju fuq il-penthoise u diversi appartamenti, fuq sit f’Triq ix-Xatt, Pietà, f’żona sensittiva li tħares lejn proprjetajiet skedati tal-Grad 1 u Grad 2 bħall-Isptar St Luke’s u Villa Frere.
Is-Sovrintendenza kienet wissiet li l-għoli u l-volum tal-binja proposta kienu se jiddominaw il-viżta, jgħattu veduti importanti u jkomplu jżidu l-impatt viżiv maġenb binja oħra ta’ tmien sulari li kienet approvata fl-2016.
Fit-Tribunal, is-Sovrintendenza rebħet parzjalment. Il-membri qalu li għalkemm il-pjan lokali jippermetti massimu ta’ ħames sulari, dan ma jfissirx li żviluppatur għandu dritt awtomatiku jilħaq l-għoli massimu. Il-proġett kien meqjus wisq fond u ta’ massa kbira għal żona daqshekk sensittiva, u għalhekk il-permess tħassar. Imma t-Tribunal mar pass iżjed: ordna li jitħejjew pjani ġodda fi 30 jum, b’tnaqqis ta’ żewġ sulari u limitazzjonijiet oħra fuq il-fond tal-binja.
Hawnhekk bdiet l-problema. Ciantar Properties appella, jgħid li t-Tribunal applika ħażin il-politiki tal-iżvilupp u pprova jimponi kriterji li ma jeżistux fil-policies. Il-Qorti ma laqgħetx dawn il-pretensjonijiet, u qalet li t-Tribunal kien intitolat jagħmel valutazzjoni viżiva u ta’ kuntest, u li l-għoli massimu mhuwiex mirbaħ awtomatiku.
Imbagħad daħal l-appell tas-Sovrintendenza. Din qalet li jekk it-Tribunal sab il-proġett ħażin, kellu sempliċement iħassar il-permess u mhux jordna pjani ġodda fl-istess ħin. Il-Qorti qablet magħhom fuq dan il-punt.
L-Imħallef Simiana spjega li l-liġi tippermetti lit-Tribunal jitlob dokumenti jew pjani ġodda biss qabel jieħu d-deċiżjoni, mhux fil-mument stess tad-deċiżjoni. Meta żdiedu żewġ sulari inqas u nbidel il-fond tal-binja, inbidel ukoll “il-qalba tal-kwistjoni”, u kien hemm bżonn li l-applikazzjoni terġa’ tidħol mill-bidu għand l-Awtorità tal-Ippjanar.
Għalhekk, il-Qorti ħassret dik il-parti tad-deċiżjoni tat-Tribunal li kienet ordnat reviżjoni tal-pjani u fakkret li t-Tribunal kellu sempliċement iħassar il-permess. Il-permess għalhekk ġie revokat u l-proġett jista’ biss jerġa’ jitressaq quddiem l-Awtorità bħala proposta ġdida jekk l-iżviluppatur jixtieq jimxi ’l quddiem.
Il-Qorti għalhekk ċaħdet l-appell ta’ Ciantar Properties, qablet mal-punt ta’ proċedura mqajjem mis-Sovrintendenza, u kkonfermat li l-permess ma jistax jibqa’ fis-seħħ.
//= $special ?>

