Hekk kif fil-Brażil qed jiltaqa’ l-COP30, is-summit globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima, Malta qed tirriskja li bħala parteċipant f’dan is-summit tispikka bħala l-eċċezzjoni u l-uniku Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li falla fil-miri tiegħu dwar l-emissjonijiet. Dan hekk kif kont rapport li għadha kif ħarġet il-Kummissjoni Ewropea, qed jiġi mbassar li se nibqgħu l-uniku pajjiż tal-UE li fl-2030 se nniġġsu b’aktar emissjonijiet tal-gassijiet serra milli kellna fl-2005.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa llum mix-Shadow Minister Eve Borg Bonello.
Il-Climate Action Progress Report 2025 ibassar li sal-2030, l-emissjonijiet f’Malta se jkunu 30% ogħla mil-livelli tal-2005. U jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri ġodda, jistgħu jitilgħu għal 40%. Dan hu ferm ogħla mill-mira li Malta tnaqqas l-emissjonijiet bi 19%.
Għal snin twal rajna ppuntar tas-swaba’, tagħjir u skużi, li tefgħu l-ħtija fuq amministrazzjonijiet preċedenti. Imma r-realtà hi li fl-aħħar għaxar snin, il-Gvern Laburista wera nuqqas serju ta’ ambizzjoni. Investa aktar enerġija fil-PR milli fir-riġenerazzjoni, il-mitigazzjoni u l-ippjanar fit-tul.
U huwa dan in-nuqqas ta’ ambizzjoni li se tispiċċa tħallas il-kont għalih il-ġenerazzjoni li jmiss.
Il-Partit Nazzjonalista baqa’ konsistenti fit-talba u l-appoġġ tiegħu biex Malta tinnegozja miri ġusti u realistici fi ħdan l-UE, biex nassiguraw li stat żgħir li huwa gżira ma jitqiesx bl-istess mod daqs emittenti kbar tal-kontinent. Imma trattament ġust ma jistax jintuża bħala skuża għall-falliment. L-enerġija tal-Gvern ma tistax tintuża biss biex tispjega l-iskużi għall-inabbiltà tiegħu li joħroġ b’soluzzjonijiet innovattivi li jkunu sostenibbli.
It-tibdil fil-klima mhuwiex ċifra astratta f’xi rapport. L-effetti tiegħu jinħassu b’mod dirett mill-familji Maltin kuljum – minn konġestjoni u arja mniġġsa, għal żvilupp aggressiv, abbozzi ta’ liġijiet tal-ippjanar abbużivi li jheddu lill-komunitajiet, temperaturi li qed jogħlew u piżijiet ġodda fuq il-familji.
Il-politika dwar il-klima trid tkun fil-qalba tal-governanza tagħna; kemm fil-liġijiet tal-ippjanar, il-mobbiltà urbana, is-saħħa pubblika, kif ukoll fis-sostenibbiltà fit-tul tal-infrastruttura tagħna u t-tkabbir tal-popolazzjoni li mhux sostenibbli.
Assolutament ma nistgħux inkomplu nissagrifikaw kollox bl-iskuża tal-ekonomija li lanqas biss qed isservi l-benesseri u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, f’ċikli li jħarsu biss lejn x’riżultati jistgħu jagħtuna sa tmiem leġiżlatura minflok viżjoni fit-tul.
B’kuntrast, il-PN jirrikonoxxi li filwaqt li t-tranżizzjoni ħadra hija inevitabbli, dawk l-aktar vulnerabbli ekonomikament iridu jiġu protetti. L-MEPs tal-PN innegozjaw b’suċċess il-Fond Soċjali għall-Klima ta’ Malta, u assiguraw aktar minn €60 miljun f’fondi għal familji u intrapriżi żgħar madwar Malta u Għawdex, li qegħdin hemm apposta biex jappoġġjaw lill-iktar familji vulnerabbli fit-tranżizzjoni ħadra tal-enerġija u tat-trasport.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsejjaħ lill-Gvern biex jaħseb b’mod kreattiv u jinvesti f’soluzzjonijiet veri u li jħarsu lill-futur: enerġija li tiġġedded li tixpruna ekonomija ħadra moderna, industriji ħodor ġodda li joħolqu impjiegi ta’ kwalità, u soluzzjonijiet innovattivi ta’ carbon-capture u climate-tech bl-użu tal-aqwa talent Malti.
Nistgħu u rridu nagħmlu aħjar, mhux għad-detriment tan-nies li nirrappreżentaw, iżda għalihom.
//= $special ?>

