L-eks champion dinji tal-heavyweight Joseph Parker qed jiffaċċja possibiltá ta’ sospensjoni mill-boxing wara li rriżulta pożittiv għall-użu tal-kokaina.
Skont il-gazzeta The Sun, Parker li hu minn New Zealand u għandu 33 sena, falla test tad-droga fil-jum tal-ġlieda tiegħu ma’ Fabio Wardley, nhar is-26 ta’ Ottubru li għadda. Parker kien ġie ittestjat lejlet il-ġlieda, mill-Aġenzija Volontarja Kontra d-Doping (Vada).
Skont is-sorsi li tkelmu ma’ BBC Sport, Parker irriżulta pożittiv għad-droga rikreattiva u mhux għal drogi li jtejbu l-prestazzjoni. Quddiem din is-sitwazzjoni, l-eks champion dinji tal-heavyweight bejn l-2016 u l-2018, qed jirriskja sospensjoni ta’ sentejn iżda jista’ jiġi sospiż ukoll għal mhux aktar minn tliet xhur, skont iċ-ċirkostanzi.
Ix-xahar li għadda, Parker kien qed jittama li jegħleb lil Wardley, biex wara jkun jista’ jiġġieled kontra Oleksandr Usyk għat-titlu ta’ champion tad-dinja tal-heavyweight. Madankollu, il-Brittaniku ta’ 30 sena, Wardley għeleb lil Parker fl-O2 Arena ta’ Londra.
//= $special ?>

