Edukazzjoni Lokali

Jum il-Gradwazzjoni għall-istudenti tal-MCAST

Quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna għall-gradwati l-ġodda tal-MCAST li saret ilbieraħ filgħaxija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Fl-omelija l-Arċisqof ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jagħżlu l-għerf fuq il-bluha. “L-għerf mhuwiex xi ħaġa arroganti imma xi ħaġa li timlielek ħajtek, il-qalb tiegħek b’togħma tajba. B’ta’ min fil-ħajja jagħżel is-sewwa, jagħżel it-tjubija, jagħżel is-sbuħija, jagħżel il-verità, jagħżel il-ġustizzja. Dak huwa l-għerq ta’ kull għerf. Il-bluha taljenak, il-bluha tipperswadik li tista’ tasal mingħajr sforzi u billi tqarraq minn hawn u minn hemm, mhux xorta tasal? Dik hi bluha, dik hi frugħa.”

Staqsihom ukoll jevalwaw kemm qed iqattgħu ħin iħarsu lejn screen flok jaqsmu ħajjithom ma’ dawk viċin tagħhom: “Qisu li f’din id-dinja virtwali, tal-AI, ta’ tant kuntatti diġitali, ma titilfu qatt il-gost tal-ħbiberija vera, tal-kuntatt uman. Eżamina lilek innifsek, bħalma kultant ikolli nagħmel jien, kemm sigħat għaddejt il-ħin kollu tħares lejn smartphone jew monitor u kemm għamilt taqsam ħajtek ma’ xi ħadd li tħobb, tisimgħu jew tħallih jisimgħek jew tisimgħek? Il-kuntatt personali għandna bżonnu daqs il-ħobż u l-ilma għax inkella r-ruħ tagħna tidbiel. Ejjew nużaw it-teknoloġija straordinarja li għandna f’idejna, ejjew inħaddnu l-progress tal-umanità, mingħajr ma nitilfu dak li jagħmilna tassew bnedmin, qalb li tħobb, għajnejn li jafu jitbissmu u jibku, xufftejn li jafu jgħidu kelma u jafu jisktu, qalb li tħabbat bi mħabba għall-proxxmu.”

L-Arċisqof talab ukoll lill-Mulej biex ibierek l-isforzi tagħhom u jbierek il-futur tagħhom.