Futbol Sport

Lejla f’Helsinki li tferraħ lill-Maltin u tnissel diżappunt lill-Finlandja

Jake Grech jiċċelebra l-gowl rebbieħ
Jake Grech jiċċelebra l-gowl rebbieħ

Finlandja 0 Malta 1

F’Helsinki, illejla Malta kisbet wieħed mill-aqwa riżultati tagħha fl-istorja tal-futbol lokali meta fil-logħba ta’ qabel tal-aħħar f’Grupp G għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, ksibna rebħa ta’ 1-0 kontra l-Finlandja.

Din kienet l-ewwel rebħa ta’ Malta fil-grupp, iżda mhux l-ewwel punti mirbuħa. B’gowl tas-sostitut Jake Grech, fit-82 minuta, wara xogħol tajjeb ta’ Ilyas Chouaref, kontra kull mistenni Malta għelbet lill-Finlandja u ssuperat lill-Litwanja fil-klassifika b’total ta’ ħames punti mirbuħa.

L-ammont ta’ punti mirbuħa s’issa minn Malta f’din il-kompetizzjoni, jilħaq ir-rekord ta’ punti li Malta diġa’ kisbet fil-passat, f’żewġ kompetizzjonijiet differenti, li kienu parti mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għal edizzjoni tal-Euro jew tat-Tazza tad-Dinja.

Dawn kienu fiż-żmien Dusan Fitzel bħala kowċ, fil-kampanja għall-Kampjonati Ewropej tal-2008 u aktar riċenti meta fit-tmexxija tat-tim nazzjonali kien hemm Devis Mangia. Mal-kowċ Taljan, konna temmejna l-grupp għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2022, b’total ta’ ħames punti.

Il-gowl minn tarf il-kaxxa tal-plejer ta’ Floriana, Grech fisser ukoll il-65 rebħa ta’ Malta fl-istorja u t-tieni waħda f’għaxar partiti li lagħbna kontra l-Finlandja.

Mingħajr żewġ plejers importanti nieqsa fl-iskwadra, Ryan Camenzuli u Teddy Teuma, għaliex kienu sospiżi, Malta tat wirja pożittiva u dixxiplinata. Anke jekk l-avversarji tagħna kellhom aktar pusses minn Malta u ħolqu aktar okkazzjonijiet ta’ skor, il-plejers taħt il-gwida teknika ta’ Emilio De Leo, urew reżiljenza kbira u baqgħu kompatti mill-ewwel minuta sat-tmiem tas-suffara finali.

Il-prestazzjoni u l-qlubija tal-Maltin għandha tkompli tgħolli l-moral tat-tim qabel l-aħħar partita li se nilgħabu fil-grupp, nhar it-Tnejn li ġej kontra l-Polonja f’Ta’Qali.