“Malta innovattiva mhix biss Malta aktar sinjura – hija Malta aktar ġusta u ekoloġika, fejn in-nies jgħixu ħajja aħjar.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta indirizza konferenza b’rabta mal-inizjattiva The Innovation Exchange li għadha kemm ġie imnedija mill-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni – liema inizjattiva se sservi bħala forum nazzjonali fejn imprendituri, start-ups, dawk li jfasslu l-politika, akkademiċi, investituri u partijiet interessati fil-komunità jiltaqgħu flimkien biex jiddiskutu l-isfidi li qed jiffaċċjaw. U jiżviluppaw soluzzjonijiet prattiċi b’mod konġunt.
Fl-istess waqt The Innovative Exchange għandha l-għan li tħaffef it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, ittejjeb il-benesseri soċjali, u tmexxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar reżiljenti u bbażata fuq l-għarfien.
L-ewwel fażi tal-proġett tinkludi sensiela ta’ workshops li saru f’Settembru u Ottubru u li jkopru tliet temi ewlenin inkluż: tkabbir Intelliġenti permezz tal-Innovazzjoni, Innovazzjoni għal Futur Aktar Ekoloġiku, u Tisħiħ tal-Komunitajiet permezz ta’ Innovazzjoni fil-Benesseri Soċjali.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg tenna kif din ma kinitx biss konferenza, iżda r-riżultat ta’ xhur ta’ preparazzjoni u ta’ nies jingħaqdu flimkien minn madwar l-ekosistema tal-innovazzjoni lokali.
Huwa sostna li l-innovazzjoni tfisser kollaborazzjoni. U tkellem dwar ir-rieda politika li tħalli lil Malta sservi bħala testbed għall-innovazzjoni.
Intant, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola – permezz ta’ video – stqarret li l-parlament ewropew neħħa regoli li kienu qed jistaġnaw in-negozji.
Hi tkellmet dwat fondi sabiex imorru għal start-up u negozji sodi, infrastruttura diġitali u AI data centres.
Roberta Metsola insistiet li l-Parlament Ewropew se jkompli jipprovdi fondi għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni għax fuq kollox huma t-tlett pilastri ewlenin li fuqhom huwa mibni l-futur.
//= $special ?>

