Raġel ta’ 53 sena minn Ħaż-Żabbar wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kkawża l-mewt ta’ turista Ġermaniża li ntlaqtet mill-karozza tiegħu fil-Floriana f’Ġunju li għadda. Etienne Ciantar tressaq il-Ħamis tard wara nofs inhar quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake mhux b’arrest iżda b’ċitazzjoni u ġie akkużat b’sewqan perikoluż, traskurat u irresponsabbli, iżda ċaħad l-akkużi kollha.
Il-Qorti nnotat li l-inċident seħħ nhar id-19 ta’ Ġunju meta l-Pulizija waslu f’Lascaris Wharf u sabu Toyota Ractis wieqfa fil-korsija li twassal lejn Marsa, u mara ta’ 57 sena mixħuta mal-art. Il-vittma, passiġġiera li kienet Malta fuq ‘cruise’ flimkien ma’ żewġha, ingħatat l-ewwel għajnuna minn paramediċi fuq il-post u ttieħdet immedjatament l-isptar Mater Dei, fejn mietet jumejn wara minħabba l-ġrieħi gravi li kienet ġarrbet.
Is-Superintendent Nicholas Vella spjega li Ciantar instab mhux taħt l-effett tal-alkoħol, hekk kif it-test tal-breathalyzer li sar fuqu rriżulta negattiv. Intqal ukoll li l-inċident seħħ waqt li l-mara kienet qed taqsam it-triq ma’ żewġha, li spiċċa f’qagħda ta’ xokk meta seħħ l-impatt.
Il-Pulizija telgħu fuq il-vapur tal-cruise biex jiġbru l-affarijiet personali tal-koppja, fosthom il-passaporti tagħhom. Żewġ kuntistabbli li kienu fuq il-post taw ix-xhieda tagħhom ukoll. Wara li semgħet ix-xhieda kollha ppreżentata s’issa, il-Qorti kkonkludiet li teżisti biżżejjed prova prima facie biex il-kawża tkompli tinstema’.
Il-proċeduri se jkomplu fil-ġranet li ġejjin quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake, bl-Avukat Ġenerali u Superintendent Nicholas Vella jassistu lill-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Veronica Anne Spiteri u Sarah Ciliberti qed jiddefendu lill-akkużat.
//= $special ?>

