Joe M. Zahra
Bejn l-2013 u l-2024 id-dħul tal-Gvern mit-taxxa personali żdied minn €522 miljun għal €1,771 miljun – kważi darbtejn u nofs iktar. Id-dħul mit-taxxa fuq il-kumpaniji żdied minn €477 miljun għal €1,425 miljun. Biss hawnhekk qabel nagħti iktar ’l isfel b’kemm-il darba żdiedet din it-taxxa rrid nikkummenta dwar kif din f’temp ta’ sena, mill-2023 għal 2024 din it-taxxa żdiedet mim €836 miljun għal €1,425 miljun. Il-VAT żdiedet minn €586 miljun għal €1,401 miljun – darba u nofs iktar, filwaqt li d-dħul mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tela’ minn €438 miljun għal €1,173 miljun, 1.7 darbiet iktar.
Mela jekk ngħoddu kemm-il darba żdied iktar id-dħul mit-taxxa personali, id-dħul mill-VAT u d-dħul mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali nsibu li l-piż minn dawn it-tliet taxxi fl-2024 kien ħames darbiet iktar.
Fl-istess perjodu l-Prodott Domestiku Gross, jew il-ġid nazzjonali, tela’ minn €7,186.4 miljun fl-2013 għal €22,470.8 fl-2024 – 3.5 darbiet iktar. Li jagħtina l-ewwel riżultat li f’dan il-perjodu ta’ snin. Tħallset ħafna iktar taxxa milli kiber il-ġid nazzjomali.
It-taxxi personali u tal-kumpaniji
Meta nħarsu lejn il-mod kif żdied d-dħul mit-taxxa personali u d-dħul mit-taxxa tal-kumpaniji mill-ewwel nindunaw li filwaqt li t-taxxa personali splodiet dik tal-kumpaniji baqgħet tiżdied ftit, ftit. Tneħħi għas-sena l-oħra fejn iż-żieda kienet waħda eċċezzjonali ta’ €589 miljun – jew 70.4 fil-mija iktar. Tajjeb kieku jkun hemm spjega minn fejn ġew dawn il-miljuni li mingħajrhom l-iżbilanċ tal-Gvern kien jisplodi.
Li ż-żieda fid-dħul mit-taxxa fuq il-kumpaniji kienet waħda kajmana ma jfissirx dak li qal il-Ministru Clyde Caruana meta pprova jagħti x’jifhem li l-parti l-kbira tan-negozji u s-sidien tan-negozji jevadu t-taxxa. Il-Ministru tal-Finanzi m’għandux jiġġeneralizza għaliex filwaqt li f’kull settur issib min jabbuża jew jipprova jabbuża, il-maġġoranza jimxu skont il-liġi. Ifisser li dan is-settur mhux jikber bil-mod kif jirrakkonta l-Gvern.
Il-Gvern jiftaħar kull sena li mhux qed iżid taxxi. Iżda meta ma jgħollix il-bands tat-taxxa ikun qed iżid it-taxxi b’mod sottili. Kif għamel għal sena wara l-oħra tul iktar minn 10 snin. Tant li d-dħul mit-taxxi personali żdied bi 2.41 iktar bejn l-2013 u l-2024. Filwaqt li jirriżulta li pajjiżna għandu fost l-inqas żidiet fil-pagi fost il-pajjiż tal-Unjoni Ewropea d-dħul mit-taxxa żgur mhux fost l-inqas. Dan qed ipoġġi piż dejjem ikbar fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Issa fl-aħħar sentejn il-Gvern żied xi ftit il-bands tat-taxxa. Iżda dak li laħaq ħa mhux se jingħata lura!
Sehem il-ħaddiema barranin
M’hemmx dubju li l-ħaddiema barranin li jkunu fostna jikkontribwixxu biex il-Gvern jiġbor iktar miljuni mit-taxxi. Dawn iħallsu t-taxxa personali jekk tolqothom, iħallsu l-VAT u jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali. Mingħajrhom il-Gvern kien ikollu ħofra fil-finanzi ħafna ikbar milli għandu llum! Kieku l-iżbilanċ tal-Gvern min jaf fejn hu! Iżda qatt sar studju biex naraw jekk il-kontribut finanzjarju tagħhom lejn d-dħul tal-Gvern hux jagħmel tajjeb għal dak li jrid jinħareġ iktar f’servizzi għal dawn l-istess nies!
Il-kontribut ta’ dawn il-ħaddiema barranin ma tistax torbot fuqu għaliex dawn ma jdumux jaħdmu f’pajjiżna. Tant li jirriżulta minn studju tal-Bank Ċentrali li kwart tal-ħaddiema barranin jitilqu minn pajjiżna fi żmien sena u madwar nofshom jilitilqu minn pajjiżna fi żmien tliet snin. Ħafna minn dawn il-ħaddiema barranin jaraw f’pajjiżna l-ewwel opportunutà biex jidħlu f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea u darba tiġihom l-okkażjoni jitilqu.
Fil-maġġoranza tagħhom dawn il-ħaddiema jitħallsu paga minima li bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-1 ta’ Jannar ta’ din is-snin żdiedet minn €8,434 għal €11,533. Mhux xi paga li minn fuqha jiġbor xi ħafna taxxa!
Iddur, iddur issib li hu l-poplu Malti li qed iħallas dejjem iktar taxxa. Skont ċifri li ħarġu riċentament il-piż tat-taxxa fl-aħħar erba’ snin kiber minn 28.1 fil-mija fl-2021 għal 29.3 fil-mija s-sena l-oħra.
Filwaqt li l-Gvern jiftaħar li qed inaqqas il-piż tat-taxxa ċ-ċifri juru li qed jiżdied. Iċ-ċifri juru li l-Gvern qed jagħtik xi ħaġa żgħira milli ħadlek iżda li mhux biżżejjed biex tagħlaq iċ-ċirku ta’ kemm dan il-piż ta’ taxxa personali, VAT u kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali qed jolqtok.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 14 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

