Opinjoni

OPINJONI: Mhux biss huwa essenzjali iżda indispensabbli rigward il-popolazzjoni

Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsilli Lokali kollha ntlaqgħet anki f’xi kunsilli b’maġġoranza tal-Partit Laburista

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon
u Il-Mument

In-numru ta’ persuni li jistgħu jgħixu f’lokalità mingħajr ma joħonqu lil xulxin ivarja minn lokalità għal oħra iżda hemm massimu, f’kull każ, u jekk dan jinqabeż, il-ħajja ssir insopportabbli għal kulħadd, il-livell tal-kwalità tal-ħajja jitbaxxa u l-futur inevitabbilment, ikun wieħed imċajpar.
Is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna waslet f’punt fejn hi meħtieġa b’urġenza risposta f’waqtha għall-problema tal-overpopulation li kompliet toħroġ ċara miċ-ċifri tal-popolazzjoni pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ta’ Malta f’Lulju li għadda. Hu għalhekk rilevanti ħafna dak li l-Partit Nazzjonalista qed iwettaq fil-Kunsilli Lokali fejn rappreżentazzjoni tiegħu qed isejħu biex kull lokalità tagħmel eżerċizzju ta’ carrying capacity.
S’issa din il-mozzjoni diġà tressqet fil-maġġoranza tal-Kunsilli lokali f’Malta u Għawdex u għalkemm, fil-biċċa l-kbira tal-każi, il-kunsillieri tal-Partit Laburista opponew din il-mozzjoni, kien hemm oħrajn b’maġġoranza Laburista, li approvawha.
Din il-mozzjoni għandha tgħin biex bla dewmien tkun iffaċċjata b’mod xieraq il-problema tal-preżenza ta’ nies fil-lokalità aktar milli tiflaħ, b’konsegwenzi evidenti li qed jagħmlu l-ħajja ta’ ħafna nies, f’ċerti każi, insopportabbli.
Fl-aħħar snin il-pajjiż ma kellu l-ebda policy fejn jidħlu ħaddiema u residenti barranin. Kull min irid jiġi… merħba bih. Aħna magħrufin li nagħtu ‘merħba’ lill-barranin, iżda meta mbagħad in-numri ma jibqgħux jagħmlu sens, dik il-‘merħba’ faċli tinbidel f’rabja u frustrazzjoni.
L-eżerċizzju ta’ carrying capacity irid jibda billi jara kemm lokalità tiflaħ popolazzjoni imbagħad x’tip u kwalità ta’ servizzi l-pajjiż jiflaħ jipprovdi. Hu proprju għalhekk li ma’ dan l-eżerċizzju jduru tant aspetti ta’ ħajjitna on the ground… mit-trasport pubbliku sal-problema tal-parking; mill-indafa sad-drenaġġ; mis-saħħa sal-ispazji pubbliċi fil-komunità. Insomma, numru kbir ta’ aspetti li jolqtu lilna lkoll u lill-familji tagħna.
Il-pajjiż tagħna ma jistax jibqa’ sejjer għal għonq it-triq, miexi bħallikieku għandu għamad quddiem għajnejh li qed jgħattilu l-vista. Dak li ħafna f’pajjiżna qed iġarrbu diġà dgħajjef u naqqas drastikament il-kwalità tal-ħajja.
Pajjiżna jeħtieġ eżerċizzju ġenwin ta’ carrying capacity. Kien imissu sar ilbieraħ iżda, għall-inqas, issa għandu jsir illum qabel għada.

Xi tfisser il-proposta tal-PN

Ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex, fl-aħħar ġimgħat u xhur ippreżentaw mozzjoni biex isir eżerċizzju ta’ carrying capacity f’kull lokalità rispettiva.
Dan l-istadju hu essenzjali għal kull lokalità biex jevalwa u jkun determinat kemm il-lokalità tiflaħ għal żvilupp, popolazzjoni jew attivitajiet oħrajn li jkunu jistgħu jibqgħu jsiru b’mod sostenibbli.
Dan ifisser li l-attività li ssir ma tridx tagħmel ħsara lill-ambjent, lill-infrastruttura, u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
L-istudju tal-carrying capacity li qed jintalab jitkellem ukoll fuq il-massimu li lokalità tista’ tilħaq qabel ma tibda tiddeterjora u ssir insostenibbli.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa  14  ta’ Novembru, 2025.