Lokali

Tour Ġustizzja għal Artna se jieħu l-għajta kontra l-liġijiet distruttivi tal-ippjanar fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin – Moviment Graffitti

Ritratti: Martin Agius

Moviment Graffitti qed iniedu t-Tour Ġustizzja għal Artna, li se jwassal is-sejħa għall-irtirar tal-liġijiet distruttivi tal-ippjanar fil-qalba tal-irħula u l-ibliet madwar Malta u Għawdex.

Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, rappreżentanti tal-kampanja Ġustizzja għal Artna, flimkien ma’ gruppi lokali, se jżuru komunitajiet madwar il-gżejjer Maltin biex jispjegaw kif il-liġijiet proposti qegħdin jheddu l-kwalità tal-ħajja, l-ambjent, il-wirt kulturali, u l-prattiċi li jiddefinixxu lil pajjiżna.

Huma spjegaw li l-membri tal-pubbliku se jkollhom ukoll l-opportunità li jżuru l-istands biex jagħmlu l-mistoqijiet u s-suġġerimenti tagħhom.

L-ewwel waqfa se ssir fil-Pjazza ta’ Birżebbuġa nhar il-Ħadd, 30 ta’ Novembru, mid-9:30am ’il quddiem. B’kollaborazzjoni mal-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, il-kampanja se tenfasizza din it-theddida bla preċedent u l-azzjonijiet li ċ-ċittadini jistgħu jieħdu biex jirreżistuha.

Bil-Moviment Graffitti jenfesizza li dan il-pakkett leġiżlattiv ġie mfassal b’għan wieħed: biex jissodisfa x-xewqat tal-iżviluppaturi, u se jiftaħ kull rokna tal-pajjiż għal kostruzzjoni bla rażan, filwaqt li komplew jgħidu li ser jippermetti lil dawk li għandhom il-flus u l-poter biex jeqirdu l-ġid komuni u jgħaddu qishom gaffa minn fuq il-komunitajiet.

Huma qalu li fost l-aktar miżuri skandalużi tagħhom, l-Abbozzi ta’ Liġi 143 u 144, flimkien mat-tliet avviżi legali li jakkumpanjawhom, jagħtu setgħat kbar u arbitrarji lill-Awtorità tal-Ippjanar, jillimitaw id-dritt li jiġu appellati d-deċiżjonijiet tagħha, ineħħu l-poter tal-qrati li jħassru permessi illegali, u jagħtu amnestija għal firxa wiesgħa ta’ illegalitajiet ambjentali.

Għalkemm il-Gvern wiegħed li se jirrevedi dawn il-liġijiet u li se jikkonsulta aktar mal-NGOs u mal-komunitajiet lokali, Ġustizzja għal Artna għadha mhix konvinta li leġiżlazzjoni daqshekk difettuża tista’ tiġi rranġata. S’issa, l-ebda proposta riveduta ma ġiet ippreżentata.

Il-kampanja terġa’ ssejjaħ għall-irtirar sħiħ ta’ din l-hekk imsejħa “riforma” u għall-bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni ġenwin biex tinħoloq ir-riforma tal-ippjanar li Malta tant teħtieġ.