Żewġt irġiel tressqu l-Qorti l-Ġimgħa akkużati li stupraw żewġ nisa li kienu ħarġu magħhom għal ‘double date’. Il-każ beda meta, nhar it-Tlieta, iż-żewġ nisa marru l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan u qalu lill-Ispettur Wayne Buhagiar li kienu ġew stuprati.
Huma spjegaw li kienu ilhom jitkellmu ma’ Özgür Evciman ta’ 26 sena u Özgür Dokuzer ta’ 42 sena fuq l-app Bumble, u li l-erbgħa li huma kienu ħarġu għal xi drinks, u spiċċaw fl-appartament ta’ Evciman. Huma qalu lill-pulizija li meta kienu kollha fuq is-sodda, Dokuzer qal lil mara li kien iddejtja, b’mod dirett u vulgari li ried jagħmel sess magħha.
Skont ix-xhieda tal-mara, hu daħħalha fil-kamra tal-banju u pprova jġiegħelha tagħmel sess mingħajr ma riedet, anke meta qaltlu li riedet tkun protetta. Minkejja dan, l-akkużat baqa’ jipprova jisforza ruħu fuqha. Fl-istess ħin, il-mara l-oħra allegat li Evciman l-ewwel messha b’mod sesswali bil-forza u mbagħad stupraha wkoll. Hija qalet li kienet fis-sakra u ma tiftakarx kollox ċar ta’ dak li ġara.
Dokuzer, li joqgħod il-Pietà, ġie akkużat b’stupru u li żamm lil waħda min-nisa kontra r-rieda tagħha. Hu ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih. L-avukat tiegħu, Kathleen Calleja Grima, talbet il-ħelsien mill-arrest u qalet li n-nisa rrappurtaw il-każ tard, kważi ġimgħa wara.
Hija qalet ukoll li r-rapport kien ibbażat biss fuq kliem in-nisa u li ma kienx hemm inkjesta. Qalet ukoll li l-klijent tagħha mblokka lill-allegata vittma minn fuq il-media soċjali. Min iħaddem lil Dokuzer xehed li jaf sew lill-akkużat u kien lest ikun garanzija għalih jekk jingħata l-ħelsien.
Il-Prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Avukat Kristina Bartolo, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali opponiet għall-ħelsien u qalet li n-nisa għadhom ma xehdux u li l-akkużati jafu fejn jgħixu peress li marru jiġbruhom mid-dar tagħhom.
Evciman, li joqgħod Gżira, ukoll ċaħad l-akkużi ta’ stupru, kif ukoll li żamm lil mara kontra r-rieda tagħha, li wettaq atti sesswali mhux ikkunsensjati u li ħarasha. L-avukat tiegħu, Giannella De Marco, talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrestit.
Hija qalet li l-allegata vittma kienet anki ħadet filmat tal-veduta mill-appartament tiegħu wara l-allegat stupru u tefgħatu fuq Instagram, u sostniet li dan imur kontra l-imġiba ta’ persuna li tkun għaddiet minn stupru.
L-avukat żiedet tgħid li l-għada filgħodu, wara l-allegat stupru, iż-żewġ nisa marru għall-kolazzjon mal-akkużati u spiċċaw ukoll fl-appartament ta’ Dokuzer, fejn kien hemm raġel ieħor. Skont l-avukat, waħda min-nisa anki reġgħet marret torqod ma’ Evciman.
Anke hawnhekk, min jimpjega lil Evciman xehed li kien lest ikun garanzija għalih. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake, irrifjutat it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest għaż-żewġt irġiel u ordnat li jibqgħu miżmuma arrestati sakemm il-kawża tkompli.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat Kristina Bartolo, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bl-assistenza tal-Ispetturi Ian Azzopardi u Wayne Buhagiar. Evciman kien assistit mill-avukati Giannella De Marco u Charles Mercieca, filwaqt li Dokuzer kien assistit mill-avukat Kathleen Calleja Grima.
//= $special ?>

