Wayne Debono ta’ 32 sena, residenti l-Mosta – ġie kundannat għal €2,000 multa (“ammenda”), u l-Qorti ordnatlu jħallas l-ispejjeż tal-proċeduri u dan wara li kiser l-ordni pubblika, ma obdiex struzzjonijiet ċari tal-pulizija, u wera disprezz lejn uffiċjali waqt li kienu qegħdin jagħmlu dmirhom f’jum delikat bħall-elezzjoni ġenerali.
Kien nhar is-26 ta’ Marzu 2022, filgħaxija tal-jum tal-votazzjoni fil-Mosta, bl-iskola Marija Regina kienet żona sensittiva fejn il-pulizija kienu qed iżommu kontroll fuq il-perimetru ta’ 50 metru. Il-kuntistabbli Joseph Luke Gauci kien qiegħed jaħdem hemmhekk meta waslet karozza Mercedes Benz.
Ix-xufier qal lill-kuntistabbli li kellu passiġġier li kien għadu kemm ġie operat u ried iniżlu qrib il-bieb. Gauci spjegalu li seta’ jidħol biss biex iniżlu u mbagħad jerġa’ jmur barra mill-limitu. Dan il-permess ingħata, iżda x-xufier baqa’ hemm fejn ma kellux.
Meta l-kuntistabbli reġa’ mar isejjaħlu biex iċaqlaq il-karozza, ix-xufier—Wayne Debono—beda jargumenta miegħu. Dar bil-karozza lura b’saħħa u baqa’ jistenna barra, iżda ftit wara reġa’ daħal bil-karozza lejn il-barrikata fejn ma kellux ikun.
Gauci waqqfu u spjegalu mill-ġdid ir-regola, iżda Debono kompla jiddiskuti u beda jsejjaħ lill-kuntistabbli “kiesah”. F’dak il-mument wasal ukoll ħabib ta’ Debono, Owen Cassar, u l-atmosfera saret b’aktar tensjoni. Debono niżel mill-karozza, għolla leħnu, u beda joffendi lill-kuntistabbli b’kliem bħal “purċinell u kiesah”, u anke stieden lill-pulizija għall-ġlied.
Minħabba l-għajjat li beda jinstema’ barra, uffiċjali oħra tal-pulizija li kienu ġewwa l-post tal-votazzjoni – fosthom is-Surġent Christian Xuereb u l-kuntistabbli Aldo Cauchi u Francesca Zahra – ħarġu biex jaraw x’inhu jiġri. Huma sabu lil Debono għaddej jagħmel pressjoni fuq Gauci u joffendi lilhom ukoll, jgħidilhom li “l-uniformi ma kienet tiswa’ xejn għalih”.
Wara ftit tentattivi biex jikkalmuh, is-sitwazzjoni eventwalment ġiet ikkontrollata u kulħadd reġa’ lura għax-xogħol. Aktar tard, Debono xehed li fil-fehma tiegħu kien għaddej argument bla sens u li hu ma kienx sejjaħ lill-pulizija “purċinell”, għalkemm ma ċaħadx li argumenta u li għolla leħnu. Owen Cassar qal li sema’ lill-pulizija jgħajjat ukoll, iżda ma semax offiżi minn naħa ta’ Debono.
Il-Qorti osservat li l-verżjoni ta’ Gauci baqgħet effettivament mhux ikkontestata, għaliex id-difiża ma għamlitx kontro-eżami fuqu, filwaqt li x-xhieda l-oħra tal-pulizija kkonfermaw l-imġiba aggressiva ta’ Debono.
Il-Qorti enfasizzat li fil-jum tal-votazzjoni r-regoli għandhom jiġu osservati b’mod strett u li ordni tal-pulizija trid dejjem tiġi obduta minnufih. Debono, minflok, għażel li jinjora l-istruzzjonijiet u jaġixxi b’mod sfrenat, jgħajjat, joffendi, u saħansitra jsuq b’mod perikoluż biex jikser l-ordnijiet.
Il-Qorti fakkret ukoll li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli u għandhom jiġu protetti fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom. L-imġiba ta’ Debono kienet forma ċara ta’ disprezz u ta’ tentattiv biex ixekkel uffiċjal pubbliku waqt li kien qed jagħmel xogħlu.
Il-messaġġ kien sempliċi: f’sitwazzjonijiet ta’ ordni pubbliku, speċjalment f’jum tal-votazzjoni, il-liġi titlob rispett assolut lejn l-istruzzjonijiet tal-pulizija, u min jiskredita dawn l-ordnijiet ma jistax jistenna li jgħaddi bla konsegwenzi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Godwin Scerri.
//= $special ?>

