Internazzjonali Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew japprova votazzjoni aktar flessibli

Il-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza kbira proposta storika li tippermetti lill-MEPs li huma nisa biex meta jkunu tqal jew li għadhom kif welldu jiddelegaw il-vot tagħhom lill-kollegi tagħħom għal perjodu limitat ta’ żmien.

Skont din il-proposta, MEP mara tkun tista’ tassenja l-vot tagħha lil MEP ieħor għal massimu ta’ tliet xhur qabel it-twelid u sitt xhur wara, sabiex mara ma jkollhiex tagħżel bejn is-saħħa, il-familja u r-rappreżentanza demokratika tagħha.

Matul il-votazzjoni li saret l-Ħamis fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li ebda mara m’għandha tagħżel bejn li sservi lill-votanti tagħha u li jkollha t-tfal.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dawn ir-riżoluzzjonijiet jirreflettu ż-żminijiet tal-lum.

Din ir-riżoluzzjoni storika kellha appoġġ ta’ 605 voti favur u 30 kontra, waqt li 5 astjenew.

Il-proposta li kienet mfassla mill-Kumitat tal-Affarijiet Kostituzzjonali, u issa se tmur għand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi implimentata.