Futbol Sport

Iż-żgħażagħ Maltin imċaħdin minn rebħa sekondi mit-tmiem… kontra ċ-Ċeki tat-tifel ta’ Buffon

Ritratt: Malta FA

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena, li bħalissa qed jilgħab fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej ta’ din il-kategorija, għall-finali tal-edizzjoni li se ssir is-sena d-dieħla, illum kien minuti biss ‘il bogħod minn rebħa kontra r-Repubblika Ċeka, iżda fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud fit-tmiem tal-logħba, l-avversarji skorjaw il-gowl tad-draw għal skor finali ta’ 2-2.

F’partita valida minn Grupp 13, u li qed jintlagħab f’pajjiżna fl-Istadium taċ-Ċentinarju, iż-żgħażagħ Maltin taħt it-tmexxija tal-kowċ Taljan, Vasco Regini kienu qed jilgħabu t-tieni logħba tagħhom wara li fetħu l-impenji tagħhom f’din il-kompetizzjoni b’telfa ta’ 1-0 kontra l-Irlanda ta’ Fuq.

Kontra r-Reubblika Ċeka, il-Maltin taw wirja tajba u kienu viċin ir-rebħ ta’ tliet punti kontra tim nazzjonali Ċek, li fost il-plejers li jilgħabu miegħu għandhom lil Louis Buffon, it-tifel tal-gowlkiper leġġendarju Taljan, Gianluigi Buffon.

Louis, sal-lum aċċetta li jilgħab għar-Repubblika Ċeka u mhux għall-Italja, peress li ommu, mudella u attriċi magħrufa, Alena Šeredová hija ta’ nazzjonalitá Ċeka. Louis ma bedix il-partita mil-bidu iżda daħal jilgħab fit-tieni taqsima, fis-77 minuta.

Malta marret minn taħt wara 17-il minuta logħob meta Jiří Míček għeleb lil James Sissons għal 1-0.

Fid-59 minuta, Malta skorjat il-gowl tad-draw grazzi għall-midfielder ta’ Floriana, Dejan Farrugia.

Mad-90 minuta, l-iskor baqa’ 1-1, iżda kien għad fadal x’jiġri f’din il-logħba. Żewġ minuti fuq id-90 minuta, Malta marret fil-vantaġġ, b’konkluzzjoni ta’ Jake Borg madankollu hekk kif Malta dehret li riesqa għal rebħa importanti f’logħba kompetittiva, Míček reġa’ sab ix-xibka għaċ-Ċeki biex salva punt għal pajjiżu, bil-logħba tintemm 2-2.

Malta terġa’ tkun fl-azzjoni nhar it-Tlieta li ġej, fl-aħħar logħba tal-grupp, din id-darba kontra l-Ażerbajġan.