Lokali

Serje ta’ Scams: F’Malta ffordati bejn €15 u €20 miljun fis-sena

F’pajjiżna l-każi ta’ frodi online qed jiżdiedu.

Kelliema għall-Korp li tkellmu ma’ Net News spjegaw li fis-sena l-ammont ta’ flus li jiġu ffrodati n-nies f’Malta u Għawdex qiegħed ilaħħaq l-ammonti ta’ bejn –il €15 miljun u l-€20 miljun fis-sena – ammonti allarmanti li qed jitqiesu bħala ‘l fuq mill-medja Ewropea.

Dawn l-ammonti huma biss f’dawk li għandhom x’jaqsmu 5 tipi ta’ frodi – ċioè dawk li jinkludu investimenti fil-cryptocurrency, frodi meqjusa bħala romantiċi, scams permezz ta’ SMS u anke telefonati kif ukoll Business Email Compromise; li huma emails mibgħuta lil kumpaniji bil-għan li jiffrodawhom eluf ta’ ewro.

Sa Settembru ta’ din is-sena kien hemm mal-45 każ li jinvolvu dawn it-tip ta’ e-mails fejn b’kollox ġew ffrodati l-ammont kumplessiv ta’ €4 miljun – miljun ewro aktar mis-60 każ irrapportat matul l-2024.

Dawk marbuta mal-hekk imsejjaħ Romance Fraud ikunu kriminali li japrofrittaw minn moment ta’ dgħjufija u mill-emozzjoni tal-vittmi tagħhom. Fil-maġġorparti tal-każi dan il-frodi jibda minn fuq il-midja soċjali fejn tintuża l-emozzjoni tal-imħabba biex il-vittmi jibgħatu flushom, ħafna drabi ġidhom kollu għaliex ikun mingħalihom li qed jibgħatuh lill-imħabba ta’ ħajjithom.

Sa Settembru kien hawn 15-il każ irrapportat f’pajjiżna bis-somma kumplessiva misruqa tkun ta’ €350-il elf. F’ħafna mill-każi dawn ma jkunux irrapportati u għaldaqstant huwa ta’ importanza kbira li persuna ma tiddejjaqx tirrapporta tali każi kemm minħabba l-fatt li l-kriminal irid jinqabad u anke biex jiġu evitati każi futuri.

B’rabta ma’ dan it-tip ta’ frodi, fl-aħħar xhur qed jiġi nnotat li qed jintrabtu wkoll investimenti fażulli fil-cryptocurrency. Sa Settembru ta’ din is-sena ġew irrapportati 180 każ – bis-somma frodata tlaħħaq l-€10 miljun – matul l-2023 kien hemm 320 każ irrapportat u s-sena ta’ wara 270 każ – bis-somma kumplessiva tkun ta’ €19-il miljun f’sentejn.

Dan ifisser li għalkemm il-każi huma inqas – l-ammonti ffrodati qed jiżdiedu.

Hekk ukoll f’dawk li jissejħu bank scams kemm permezz ta’ SMS kif ukoll b’telefonata fejn fuq 300 każ ġew iffrodati aktar minn €1miljun.

Għalkemm dan mhux qiegħed iseħħ Malta biss, iżda madwar l-Ewropa kollha, huwa imperattiv li persuna tkun attenta x’tagħfas online kif ukoll lil min tkun qed tkellem – aktar minn hekk, importanti li qatt ma tagħti dettalji tal-kont bankarju tiegħek online.