Il-President tal-Istat Unit Donald Trump qal li se jiftaħ kawża legali kontra l-istazzjon Brittaniku BBC minħabba l-muntaġġ li sar fuq il-programm ta’ BBC Panorama b’rabta mad-diskors tiegħu tas-6 ta’ Jannar tal-2021. Dan minkejja li l-istazzjon diġa skuża ruħhu u rrikonoxxa li l-muntaġġ kien żbaljat, iżda rrifjutat li tħallas il-kumpens.
F’kummenti li għadda lil ġurnalisti, Trump qal li se iressqahom il-Qorti fuq somma bejn biljun u 5 biljuni dollari, fejn fi kliemu qed jgħid li qarrqu bih u għalhekk ħass li għandu l-obbligu li jieħu passi legali sabiex skontu ma jerġax iseħħ.
Din il-kontroversja tnisslet minn dokumentarju ta’ Panorama li xxandar f’Ottubru fl-2024 dwar it-tilwima politika madwar l-avvenimenti tal-Capitol, fejn fid-diskors tiegħu li għamel fis-6 ta’ Jannar, Trump kien ħeġġeġ lid-dimostranti jersqu lejn ir-rapprenżentati Amerikani.
Intant, din il-kontroversja wasslet biex l-BBC tammetti li l-edit kien żball ġudizzjarju u li seta’ ta impressjoni żbaljata li Trump kien qed jagħmel sejħa diretta għall-vjolenza, fejn dan l-istazzjon skuża ruħhu mal-President Amerikan u qalet li l-programm mhux se jerġax jixxandar b’dik il-forma.
Il-Chairperson tal-BBC Samir Shah bagħat ukoll ittra personali lill-White House sabiex jesprimi r-rimors għall-mod kif ġie mqassam dan il-muntaġġ.
Madankollu, l-BBC sostniet li ma teżistix bażi għal kawża ta’ difamazzjoni u għalhekk qed tirrifjuta li tħallas kumpens, hekk kif huma qalu wkoll li dan il-programm kien disponibbli biss fir-Renju Unit u mhux fl-Istat Uniti.
Barra minn hekk, qalu wkoll li dan ma sarx b’mod malizzjuz u li kummenti politiċi dwar figura pubblika huma protetti taħt il-liġi Amerikana.
Dan il-każ wassal għar-riżenja fl-istazzjon tal-BBC, hekk kif id-Direttur Ġenerali Tim Davie u l-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet Deborah Turness irreżenjaw wara li ħarġet ukoll informazzjoni dwar muntaġġ ieħor li ġie editjat f’programm ieħor fl-2022.
Madankollu, għad mhemm ebda rikors formali kontra l-BBC fil-Qorti, iżda Trump qed jibqa’ jinsisti li fil-jiem li ġejjin se jipproċedi legalment.
//= $special ?>

