Charles Coleiro huwa r-rebbieħ tal-Midalja tad-Deheb “Ġieħ l-Akkademja tal-Malti” għas-sena 2025. Dan il-ġieħ tħabbar u ngħata lbieraħ minn Sergio Grech, President tal-Akkademja tal-Malti, matul serata patronizzata mill-President ta’ Malta fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.
Fid-diskors tiegħu l-President tal-Akkademja faħħar il-merti ta’ Charles Coleiro u saħaq li l-Malti jeħtieġ duwa biex ma jkomplix jitngħawwar. Sejjaħ għall-politika lingwistika għall-Malti, voti finanzjarji ikbar għal-lingwa u fakkar li l-Malti postu kullimkien – fiċ-childcares, fl-iskejjel, fil-banek, fil-knejjes, fir-restoranti, fil-kliniċi u fl-oqsma kollha tal-ħajja Maltija.
Is-serata kienet tinkludi qari ta’ poeżiji minn Marcel Zammit Marmarà u Rita Saliba, diskors minn Yanika Schembri Fava u filmat bijografiku dwar il-ħidma bla heda ta’ Charles Coleiro fl-oqsma tal-kultura, b’mod speċjali l-għana, il-festi, l-ilsien u l-letteratura Maltija.
Billi l-President ta’ Malta kienet indisposta, id-diskors tagħha nqara mill-Professur George Farrugia. Fid-diskors tagħha, hi ferħet lir-rebbieħ u faħħret ħidmet l-Akkademja favur l-ilsien-omm.
Matul is-serata ntwerew ukoll filmati ta’ kanzunetti mir-repertorju tal-grupp folkloristiku l-Greenfields, bil-lirika ta’ Charles Coleiro.
Fl-2015 l-istat Malti onora lil Charles bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika (MQR) għall-promozzjoni tiegħu permezz tax-xandir lill-kultura u l-ilsien Malti.
//= $special ?>

