Statistika ġdida ppubblikata mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet li l-pagamenti bil-card tal-bank f’Malta żdiedu matul din is-sena… b’Awwissu tal-2025 jkollu l-għola valur ta’ pagamenti bil-card f’dawn l-aħħar erba snin, b’valur totali ta’ €596 miljun. Minn naħa l-oħra, Frar tal-2022 wera l-inqas użu tal-card tal-bank, b’valur ta’ €241 miljun.
Matul l-aħħar erba snin, ix-xhur tas-sajf wrew l-ogħla użu tal-card tal-bank, bix-xahar ta’ Awwisu dejjem ikollu l-għola livelli. Skont l-NSO, dan probabilment jirriżulta mir-ritmu ekonomiku u turistiku tal-ekonomija Maltija.
Din l-istatistika wriet ukoll li ħwienet mhux speċjalizzati, bħas-supermarkets, għandhom l-għola dipendenza fuq il-cards tal-bank, b’60% tal-bejgħ totali tagħhom isir permezz tal-cards tal-bank.
L-NSO stqarrew ukoll li fis-settur tar-retail, 89% tal-pagamenti bil-card tal-bank isiru permezz ta’ point-of-sale minkejja li għadd kbir ta’ bejjiegħa jipprovdu l-għaża li tixtri online.
Minn naħa l-oħra deher ċar li meta n-nies imorru jħallsu għall-petrol, 70% xorta jħallsu b’metodi oħra li mhux bl-card, b’30% biss iħallsu bil-card.
Deher ċar ukoll li z-zona tal-Port tat-Tramuntana għandha l-ogħla użu ta’ pagamenti permezz ta’ point-of-sale f’kull industrija b’valur totali ta’ €660.6 miljun, filwaqt li z-zoni ta’ Għawdex u Kemmuna huma l-inqas li jħallsu permezz tal-magni tal-point of sale, b’valur totali ta’ €240.2 miljun. Minkejja li għandhom l-inqas livelli ta’ pagamenti bil-card tal-bank, Għawdex għandhom l-ogħla numru ta’ merkanti li jaċċettaw pagamenti permezz tal-card tal-bank, b’livell ta’ 68%.
L-istatistika wriet ukoll li l-lokalitajiet bl-ogħla użu tal-magni tal-POS huma z-zoni turistiċi, partikolarment Tas-Sliema u San Ġiljan, kif ukoll iz-zoni kummerċjali bħal Ħal Qormi u Birkirkara.
//= $special ?>

