Futbol Sport

“Il-prestazzjonijiet tagħna juru sinjali pożittivi” – Emilio De Leo, kowċ tat-tim nazzjonali Malti

Emilio De Leo
Emilio De Leo

Fil-konferenza li saret ġurnata qabel l-aħħar konfront tat-tim Malti fi Grupp G fil-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, Emilio De Leo stqarr li t-tim wera’ titjib sostanzjali fl-aħħar partiti, u wera’ xi ħaġa li konna għadna qatt ma rajna fit-tim Malti. Huwa żied li t-tim għadu qed jifforma, u dan huwa biss il-bidu għall-iżjed suċċessi għat-tim Malti.

De Leo tkellem kif minħabba l-ħin sostanzjali li kellhom ta’ vjaġġar, il-plejers Maltin jinsabu f’kundizzjoni inqas minn dik li kienu fil-bidu tal-kamp, u żied li l-Ħadd biss setgħu vera jittrenjaw b’mod sew għall-partita tal-lum.

Il-kowċ tkellem ukoll fuq l-importanza li Ryan Camenzuli u Teddy Teuma se jerġgħu jkunu għad-diżpożizzjoni tiegħu. Fl-istess nifs, De Leo ħaffar ħafna l-iskorer tal-gowl storiku kontra l-Finlandja, il-midfielder Furjaniż Jake Grech. Il-kowċ Taljan stqarr li Grech għandu karattru b’saħħtu, u saħansitra fakkar li meta Grech tħalla fuq il-bank kontra l-Finlandja, kien jinsab imbikkem, pero faħħar ħafna l-attitudni tal-plejer li rnexxielu jidħol u jagħmel impatt enormi f’partita tant importanti.

Jitkellem fuq il-partita tal-lum kontra l-Polonja, il-kowċ qal li l-Maltin se jilagħnbu kontra avversarju b’saħħtu ħafna, pero huwa importanti li l-Maltin ma jilagħbux tal-vittmi, u għandhom juru l-kwalità tagħhom u jkunu pożittivi.

Jikkonkludi l-konferenza kien l-iskorer tal-gowl tar-rebħa, Jake Grech fejn qal li l-gowl li skorja jiswa’ ta’ sodisfazzjon doppju, hekk kif wassal għall-ewwel rebħa Maltija barra minn xtutna f’12-il sena. Madankollu, Grech qal li t-tim Malti jinsab diżappuntat bil-prestazzjoni tiegħu fil-grupp, u qal li l-Maltin kienu kapaċi jiġbru iżjed punti kiku kkonvertew iżjed l-azzjonijiet li kellhom.

Grech tkellem ukoll fuq l-opportunità li hu u sħabu se jkollhom jilagħbu kontra plejers bħal Robert Lewandowski, u qal li din se tiswa’ ta’ esperjenza kbira.

Malta taffronta lil Polonja għada fid-8:45pm, fl-Istadium Nazzjonali f’Ta Qali.