Lokali

Ilagħbu bil-kliem kemm tridu; xejn mhu ser iħassar it-tebgħa li ħalla l-każ ta’ Steward Health Care fuq il-Gvern – Moviment Graffitti

Il-Moviment Graffitti jesprimi l-kundanna kbira tiegħu fuq l-attentat tal-Gvern li jilgħab bil-verità li ħarġet mit-Tribunal Internazzjonali tal-Arbitraġġ dwar il-każ tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet.

Id-deċiżjoni tat-tribunal ġiet imsejħa ‘rebħa’, imma din mhi xejn għajr propaganda patetika. Dan joħroġ biċ-ċar meta wieħed jara li t-tribunal stess kien skjett, u wera d-dispjaċir tiegħu li ‘l-konċessjoni kienet falliment, bil-vittmi ewlenin ikunu proprju ċ-ċittadini Maltin.’

Kull uffiċċjal li pprova jpinġi din l-istqarrija ċara ta’ falliment bħala ‘rebħa’ messu jistħi jħares f’għajnejn in-nies.

Kull attentat sabiex tinħeba din il-kundanna tal-aġir tal-Gvern fl-għoti u l-immaniġġjar tal-konċessjoni huwa tradiment aħrax tal-pubbliku u tal-interessi tiegħu.

Id-deċiżjoni tal-tribunal ma tibdilx il-pożizzjoni li ilu jħaddan u jesprimi l-Moviment Graffitti: li dan il-ftehim mimli difetti u korrott mill-bidu nett ħalla impatt enormi fuq Malta u fuqna li ngħixu fil-pajjiż. Kien kuntratt li impala l-flus lil ftit individwi waqt li l-bqija tal-pajjiż tilef snin ta’ investiment fis-saħħa.

Madankollu, id-deċiżjoni tat-tribunal tipprovdi għarfien ġdid dwar kif il-Gvern naqas b’mod assolut milli jipproteġi l-interess pubbliku, primarjament billi rrifjuta li jwaqqaf il-konċessjoni u l-pagamenti, anki meta sar jaf li l-Vitals u Steward Health Care ma setgħux iwettqu l-impenji tagħhom.

In-nuqqas tal-Gvern milli jieħu l-passi li kellu jieħu wassal direttament għall-iktar deċiżjoni importanti tat-tribunal: billi l-Gvern qatt ma lissen kelma waħda kontra s-servizz ipprovdut minn Steward Health Care tul is-snin tal-konċessjoni, ma jistax issa jgħid li dawn kienu wrew xi defiċjenza.

La l-Gvern għamel minn kollox biex jaħbi l-problemi tal-Vitals u Steward Health Care, ma setax imbagħad ikun kredibbli meta qal lit-tribunal li dawn il-problemi kienu ilhom evidenti. Għaldaqstant, it-tribunal ċaħad it-talba tal-Gvern biex jirkupra €488 miljun, billi sab li ‘ma kien hemm l-ebda evidenza konvinċenti’ għat-talba.

Huwa ċar li minkejja l-ħidma kollha tal-Gvern biex id-deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ tiġi ppreżentata bħala rebħa għal Malta, ir-realtà hija waħda differenti ħafna.

Rebħa tattira lil bosta, filwaqt li telfa ħadd ma jrid li jkollu x’jaqsam magħha. Iżda din l-istorja ma għandhiex tiġi meqjusa traġedja li fiha ħadd m’għandu tort.

Moviment Graffitti qalu li huma jafu min fassal dan il-ftehim korrott, min ikkollabora mal-Vitals, min ippreżenta lil Steward Health Care bħala salvatur, u min wera, każ wara każ, li l-lealtà tiegħu kienet lejn dawk li serqu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Bħalma ilu jagħmel b’mod konsistenti tul dawn l-aħħar snin, il-Moviment Graffitti qiegħed isejjaħ għall-ħeffa u l-kuraġġ fil-prosekuzzjoni ta’ dawk kollha li kellhom sehem fil-korruzzjoni tas-sistema tas-saħħa ta’ Malta.

Qed isejħu wkoll għall-investigazzjoni ta’ kull ftehim ta’ privatizzazzjoni li kellhom xi rwol fih Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona, Joseph Muscat, u Projects Malta (issa Malta Strategic Partnership Projects), biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi frodi jew korruzzjoni fil-proċess. Dawn jinkludu, inter alia, il-konċessjoni tal-AUM, il-bejgħ tal-eks sit tal-ITS lil db Group, u l-Electrogas u ftehimiet ta’ provista ta’ gass.

Jekk jinstab li xi wieħed minn dawn il-ftehimiet sar b’mod illeċitu, qed jistennew li l-assi li sfaw mormija jerġgħu lura fil-pussess tal-istat, u li jinġiebu proċeduri kriminali kontra dawk involuti, tkun xi tkun il-pożizzjoni attwali jew preċedenti tagħhom.