Internazzjonali

In-NATO issegwi l-iżviluppi relatati mal-cruise missile ġdida tar-Russja

Ir-Russja konkludiet l-iżvilupp ta’ cruise missile bil-kapaċità li ġġorr il-warheads nukleari u li tista’, ‘il quddiem, tkun ta’ theddida sinifikanti għad-difiżi tal-pajjiżi tan-NATO.

Dan meta l-President Russu Vladimir Putin, illum, qed iqis lill-Ewropa bħala avversarju akbar mill-Istati Uniti, minħabba l-appoġġ finanzjarju u militari li qed jingħata kontinwament lill-Ukrajna – b’mod partikulari min-naħa tar-Renju Unit, il-Ġermanja u Franza.

Il-missila ġdida Burevestnik – li l-Alleanza tan-NATO tirreferi għaliha bħala l-SSC-X-9  Skyfall – tista’ tivvjaġġa b’veloċità ta’ aktar minn 900 kilometru fis-siegħa waqt li kapaċi tkun sparata mis-siti li jippermetti għall-mobbilità.

Id-dipartiment għas-servizzi sigrieti tan-NATO sadanittant qed jiġbor id-data dwar din il-missila li, skont il-President Putin, ‘għaddiet b’suċċess mill-aħħar provi’.

Ir-reattur nukleari tal-missila jippermettilha biex tivvjaġġa prattikament mingħajr limitu – u fejn kapaċi ddum għal perjodi twal fl-ajru.

Dan meta l- Burevestnik għandha wkoll il-kapaċità biex tibdel ir-rotta f’daqqa u tattakka minn direzzjoni ġdida fuq ir-rotot speċifiċi li jevitaw lid-difiżi tan-NATO għal kontra l-attakki mill-ajru fuq il-Punent,

Għaldaqstant, l-Alleanza tan-NATO qed twissi li ladarba din il-missila tkun lesta għal servizz militari, din għandha tippreżenta diffikultjiet kbar għall-Ewropa. Dan minħabba li diffiċli ħafna biex id-difiżi tal-kontinent jikkontrollaw il-missila waqt li, fl-istess ħin, jimminimizzaw il-potenzjal għall-qerda.

Iżda minkejja l-kapaċità ta’ din il-cruise missile biex tolqot il-miri madwar l-Ewropa, hemm ukoll xaqq ta’ dawl, fis-sens li l-missila ma tivvjaġġax b’veloċità ta’ livell ħipersoniku u meta kapaċi tispiċċa dejjem aktar vulnerabbli aktar ma ddum fl-ajru.