Lokali

“Malta ma taffordjax tibqa mingħajr sistema tal-metro”

Fuq il-programm NET Live il-Ħamis filgħaxija, l-Inġinier Konrad Xuereb iddiskuta t-trasport tal-massa f’Malta, fejn beda billi sostna li hu ilu dawn l-aħħar 7 snin jirriċerka u jitkellem dwar l-importanza li tijieb is-sistema tat-trasport tal-massa f’pajjiiżna.

Xuereb sostna li wara li għamel xi żmien jgħix l-Ingilterra, irrealizza li minkejja li Malta kienet qed taħdem biex tkabbar it-toroq, pajjiżi oħrajn qed jaħdmu biex ineħħuhom, u għalhekk hu beda jagħmel riċerka li minnha sab li sistema tal-metro tista’ ssir f’Malta.

Mir-riċerka li għamlet l-kumpanija tiegħu, huma ħolqu rotta tal-metro li hija possibli ssir f’Malta li ġiet spjegata fuq NET Live stess, fejn ġie spjegat l-ewwel fażi tal-pjan.

Xuereb spjega li l-istazzjonijiet iridu jkunu fiċ-ċentru taz-zoni urbani biex ikunu aċċessibli għal għadd ikbar ta’ persuni, bil-maġġoranza tagħha tkun madwar sitt sulari taħt l-art, sabiex it-toroq ikunu jistgħu jingħataw lura lill-karozzi tal-linja u liċ-ċiklisti… li hi t-tieni fażi tal-pjan tat-trasport tal-massa.

Fit-tieni fażi tal-pjan, huma se jgħaqqdu l-ajruport mal-Mellieħa, biex b’hekk ir-rotta tkun forma ta’ ċirku, u l-passiġġieri jkunu jistgħu jiddependu fuq din il-forma ta’ trasport.

It-tielet fażi mbagħad se tkun qed tgħaqqad lill-Malta ma’ Għawdex, u jkun hemm għadd ta’ stazzjonijiet f’Għawdex stess.

L-Inġinier Xuereb spjega li mir-riċerka li għamlu, l-ewwel fażi għandha tieħu biss ħames snin biex titlesta, iżda hemm bżonn madwar erba snin ta’ riċerka u studji qabel jibdew ix-xogħolijiet.

U fir-rigward ta’ spejjeż, hu sostna li l-istima hi kważi €4.5 biljun… b’biljun minnhom ikunu biss għal Għawdex. Issemma li huma kkalkulaw ukoll ir-riskji li hemm fuq il-pajjiż, inkluż il-piż ekonomiku marbut man-nuqqas ta’ sistema bħal din.

Xuereb sostna li bħala pajjiż ma naffordjawx ma nagħmlux din is-sistema tal-metro, għax minflok qed jaħlu l-flus fuq in-nuqqas ta’ produttivita’, spejjeż tal-pazjenti b’mard respiratorju, u s-stress tan-nies li jidher ċar fit-traffiku.

Hu temm jgħid li pajjiżna qed jiġġammja, u rridu nkunu kuraġġjużi biex nbiddlu r-rotta u nagħmlu din is-sistema, li skont Xuereb m’hemmx alternattiva oħra għal Malta ħlief il-metro.