Opinjoni

OPINJONI: Inspjegabbli kif il-Gvern jibqa’ jiddefendi dis-serqa

Tkompli tiżviluppa l-istorja dwar id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Arbitraġġ tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ dwar is-serqa tat-tliet sptarijiet mogħtija mill-gvern PL lill-privat minn wara dahar il-poplu

Adrian Delia
Ix-Shadow Minsiter
tal-Finanzi

Tajjeb li wieħed jiftakar li l-Kawża Ċivili jien kont ftaħtha fil-konfront tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, ta’ min hu responsabbli mill-artijiet, tal-Vitals Global Healthcare, l-Indis… u l-Qorti kienet sabet li kelli raġun.
Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha kienet qalet li kienet sabet frodi f’ta’ mill-inqas tliet istanzi. Qabel ma kien ingħata l-kuntratt ta’ din l-offerta li ma kenitx titlob biex xi ħadd jitlob li jamministra xi ħaġa li kienet teżisti, imma biex jinbena sptar ġenerali ġdid f’Għawdex, biex isir rinnovament komplut tal-Isptar San Luqa, u biex isir ir-rinnovament tal-Isptar Karin Grech.
Kulħadd jaf li minn dan kollu ma ġara assolutament xejn għaliex l-isptar il-ġdid f’Għawdex ma nbeniex, l-Isptar San Luqa abbandunat kien u abbandunat għadu u l-Isptar Karin Grech tħalla fl-istat li kien fih.

Obbligi li ma ġewx onorati
Tajjeb li niftakru wkoll li fid-deal tal-Gvern ma’ Vitals kienu qablu li l-Isptar San Luqa kellu jipprovdi mal-400 sodda u l-isptar il-ġdid f’Għawdex kellu jipprovdi mal-450 sodda! Minn dan kollu u kif jaf kulħadd ma ġara assolutment xejn.
Mela l-Qorti sabet li kien hemm il-frawdalenza qabel… proprju meta kien hemm Memorandum of Understanding fejn il-Gvern kien diġà ta informazzjoni minn qabel lil Vitals biex tkun ivvantaġġjata ħalli tirbaħ l-offerta hi.
Ma rridux ninsew ukoll li wara Vitals kien hemm moħbija numru ta’ kumpaniji sigrieti bl-iskop li ħadd ma jkun jaf min huma u min huma wkoll il-persuni involuti fihom.
Il-Qorti kienet sabet ukoll frawdalenza waqt l-għoti tal-offerta fejn aktar tard kien irriżulta li l-Gvern kien ta din l-offerta lil xi ħadd li ma kienx kapaċi jagħmel ix-xogħol meħtieġ għaliex la kellu esperjenza, la arti u anqas ħila. Vitals qatt ma kienu mexxew sptarijiet, kliniċi jew entitajiet mediċi… fuq l-ebda skala. U dan kollu kien ħareġ mill-provi li kont ressaqt il-Qorti fejn kien ħareġ ċar li Vitals ma kellhom l-ebda esperjenza fil-qasam, anzi kienet kumpanija li kienet ilha reġistrata xahar wieħed biss b’kapital ta’ elf ewro!
It-tielet prova ta’ frawdalenza kienet waqt l-andament tat-twettie

eq tal-kuntratt. Dan kollu fisser li l-Ewwel Qorti kienet waslet biex darba sabet dawn il-provi ta’ frawdalenza, allura annullat il-kuntratti.
Imbagħad il-każ mar għall-istadju tal-Appell għaliex kienu Vitals li appellaw mis-sentenza tal-Ewwel Qorti.
Sa dak iż-żmien it-tliet kumpaniji Vitals kien sar jisimhom Steward Healthcare… l-istess kumpaniji reġistrati… kemm inbidel l-isem u kemm inbidlu l-azzjonisti. Dan kollu kien ifisser li allura kien hemm kontinwità tal-istrutturi korporattivi. Teknikament it-tliet kumpaniji ġodda Steward baqgħu t-tliet kumpaniji ta’ qabel – ta’ Vitals Global Healthcare – iżda b’sidien ġodda.

Tiftakruha?: “This is the real deal”
F’dik l-epoka l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne – li kien ftaħar li “this is the real deal” – kien laħaq inbidel. Dan kollu jfisser li allura ta’ qabel ma kenux “the real deal” u qatt ma messhom daħlu għal dan l-impenn li jieħdu f’idhom is-sistema tas-saħħa Maltija b’dak il-mod.
Tajjeb li wieħed japprezza li dawn il-kumpaniji li kienu ngħataw din l-offerta kbira, allura b’esperjenza ta’ xejn, fil-fatt qatt ma kellhom l-iċken intenzjoni li jidħlu għall-impenn u jwettqu fil-prattika l-proġetti maqbula li jitwettqu.
U allura fl-istadju ta’ Qorti tal-Appell is-sentenza kienet konfermata u t-tliet sptarijiet mogħtija mill-Gvern lil Vitals u lil Steward minn wara dahar kulħadd, kienet ikkonfermata u l-isptarijiet reġgħu ngħataw lill-poplu Malti u Għawdxi.
Imma x’ġara? Ġara li l-Gvern Laburista baqa’ jiddefendi sal-ġurnata tal-lum din l-akbar serqa fl-istorja tal-poplu Malti. Il-Gvern Laburista tal-lum immexxi minn Robert Abela qed jagħmel minn kollox biex jiddefendi dak li għamel Gvern Laburista tal-bieraħ immexxi minn Joseph Muscat u dak li għamel Gvern Laburista lbieraħ ukoll imma meta kien immexxi mill-istess Robert Abela.
Għaliex l-€400 miljun misruqa lill-poplu Malti u Għawdxi jirriżultaw mill-fatt li €150 miljun minnhom tħallsu meta Joseph Muscat kien hu jmexxi l-Gvern, iżda l-€250 miljun l-oħra tħallsu meta Robert Abela kien imexxi l-Gvern!
Surreali għalkollox ir-reazzjoni tal-Gvern tal-Labour illum li jqumu fil-Parlament qishom mhux huma u jippruvaw jistaqsu fejn huma l-€400 miljun! L-istess Gvern Laburista direttament involut f’dan il-frawdaliżmu kollu issa jistaqsi lill-Oppożizzjoni fejn marru dawn l-€400 miljun. Dawn huma l-istess nies li berbqu bl-addoċċ flus il-poplu iżda llum jilabgħuha tal-verġni u jistaqsu lill-Oppożizzjoni fejn marru dawn l-€400 miljun! Dawn huma affarijiet li litteralment ma jitwemmnux. Ma jitwemmnux aktar meta issa nsiru nafu li minn €400 miljun il-frodi telgħet għal €900 miljun!

Ta’ xiex tħallsu d-€900 miljun
U bir-raġun kollu li l-poplu jistaqsi fejn marru dawn il-flus? Ta’ xiex tħallsu dawn il-flus? Jekk il-kuntratt bażi kien il-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex, tar-rinnovament tal-Isptar San Luqa u tar-rinnovament tal-Isptar Karin Grech u minn dan kollu ma ġara assolutament xejn… allura l-flus fejn marru? Allura bir-raġun kollu li kulħadd jistaqsi biex jintwerew l-invoices u ta’ xiex tħallsu dawn il-miljuni kollha mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Gvern kellu ħames snin ċans fil-Qorti biex jagħti l-provi ta’ dak li għamlu. La l-Gvern. La Vitals. La Steward. Ħadd minnhom u dan jitfa’ responsabbiltà kbira fuq dawn in-nies li serqu lill-poplu Malti u Għawdxi b’mod partikulari fis-Saħħa.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Novembru, 2025.