Opinjoni

OPINJONI: L-uniku tellief f’din l-akbar serqa hu l-poplu

Tkompli tiżviluppa l-istorja dwar id-deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ dwar is-serqa tat-tliet sptarijiet mogħtija mill-Gvern PL lill-privat minn wara dahar il-poplu

Alex Borg
Il-Kap
tal-Partit Nazzjonalista

Fil-jiem li għaddew il-ġurnali tkellmu bi ħġarhom u mill-ġdid dwar is-serqa tal-€400 miljun tal-Gvern meta biegħ, minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi, tliet sptarijiet pubbliċi – l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – lill-Vitalsu wara lil Steward li ma kellhom l-ebda esperjenza fit-tmexxija ta’ entitajiet tas-saħħa… la ta’ sptarijiet u anqas ta’ kliniċi.
U dawn il-ġurnali irrapportaw b’mod estensiv u bl-aktar mod ċar dwar din is-serqa u qed jistaqsu fejn marru dawn il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro għaliex fil-verità la Vitals u anqas Steward ma onoraw l-obbligi tagħhom li jibnu sptar ġdid f’Għawdex, la irrinovaw l-Isptar San Luqa u anqas irrinovaw l-Isptar Karin Grech. La għamlu 450 sodda ġdida f’Għawdex, la għamlu 400 sodda fl-Isptar San Luqa u ħallew kollox kif kien għaliex qatt ma kellhom l-iċken intenzjoni li jonoraw l-obbligi li daħlu għalihom.

Deċiżjoni li wriet li l-Gvern qed jgħix f’utopja
Qalu l-ġurnali u l-gazzetti ta’ dawn il-jiem li l-uniku tellief f’din l-akbar serqa ta’ pajjiżna mhu ħadd għajr il-poplu Malti u Għawdxi kollu għaliex mit-taxxi tal-poplu nsterqu dawn l-€400 miljun.
Minkejja kollox il-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ jiddefendi din is-serqa, jibqa’ jiddefendi lil Joseph Muscat, u jibqa’ jiddefendi lill-barranin u kollox juri bl-aktar mod ċar li dan il-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jgħix f’utopja sħiħa.
Saħansitra anqas kapaċi jagħmel distinzjoni bejn it-Tribunal tal-Arbitraġġ tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ u l-Qorti Kriminali Internazzjonali. Mhux biss imma anki issa l-Gvern ta’ Robert Abela jkompli jonfoq flejjes kbar f’marketing biex jipprova jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu dwar din l-akbar serqa fl-istorja ta’ pajjiżna.
Il-Gvern ta’ Robert Abela fil-jiem li għaddew għamel minn kollox biex jipprova jagħti l-impressjoni li pajjiżna bħal qisu – b’din id-deċiżjoni tal-Arbitraġġ tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ – il-poplu rebaħ xi ħaġa.
Dan kollu l-Gvern għamlu biex jipprova jissettja l-aġenda; jippruvaw jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika… imma issa nafu ben tajjeb li dak li ngħad minn dan l-Arbitraġġ hu kompletament kontra tal-impressjoni li pprova jagħti l-Gvern.
Il-poplu jaf jara l-affarijiet u għalhekk qiegħed jistaqsi. Qiegħed jistaqsi fejn hu l-isptar il-ġdid f’Għawdex li Vitals u Steward kellhom jibnu. Qiegħed jistaqsi fejn hu l-Isptar San Luqa rinnovat. Qiegħed jistaqsi fejn hu l-Isptar Karin Grech rinnovat. U jistaqsi bir-raġun kollu għaliex minn dan kollu ma sar assolutament xejn.
Minkejja kollox Robert Abela jipprova jagħti l-impressjoni li l-Qrati f’Malta vvintaw xi ħrafa! Ħrafa meta l-Qrati Maltin taw tliet sentenzi ċari daqs il-kristall li fihom qalulu li din id-deal kienet waħda frawdalenti… qalu b’dawn is-sentenzi li kien hemm kollużjoni mill-Gvern u l-privat biex jiffrodaw lill-poplu Malti u Għawdxi.
Dawn huma l-fatti u kull sforz tal-Gvern li jipprova jqarraq bil-poplu jkompli juri kemm dan hu Gvern li flok ifittex il-veru interessi tal-poplu, qiegħed minflok jiddefendi l-interessi tal-barranin.

Deċiżjoni li kixfet il-qerq tal-Gvern
U dan kollu fis-servizzi tas-Saħħa… servizzi li l-poplu meta jirrikorri għalihom ma jsibhomx… kif qalet ukoll l-istess deċiżjoni tal-Arbitraġġ tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ li qalet li l-vittma ta’ dan kollu mhu ħadd għajr il-poplu Malti u Għawdxi. U għalhekk il-Gvern ta’ Robert Abela ma jistax jibqa’ jaħrab milli jġorr ir-responsabbiltà politika tiegħu.
Din l-istess deċiżjoni turi wkoll kif b’dak li għamel il-Gvern minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi wassal biex hu l-istess poplu li tilef mis-servizzi tas-Saħħa, li tilef mill-fondi pubbliċi, u li tilef il-flus li setgħu kienu investiti għal aktar servizzi tas-Saħħa.
Minkejja dan ix-xenarju kollu jirriżulta li hu biss il-Gvern ta’ Robert Abela li qiegħed jgħid li rebaħ u dan meta kulħadd qed jikkwota din id-deċiżjoni li ċċanfar bil-kbir lill-Gvern ta’ Robert Abela.
Mhux ta’ b’xejn li dan hu Gvern Laburista f’paniku sħiħ għax il-poplu issa skopra wkoll li l-istess Gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela lil Vitals u lil Steward tahom mad-€900 miljun li suppost li €400 miljun minnhom marru biex isiru proġetti infrastrutturali fl-isptarijiet tagħna, imma minflok ma sar xejn.
Tal-mistħija kif fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu wieħed jisma’ lill-Prim Ministru jipprova jitfa’ t-tort fuq l-Oppożizzjoni. Qed jippruvaw iwaħħlu f’Adrian Delia meta kien Adrian Delia li mar il-Qorti u wassal biex dawn l-isptarijiet ingħataw lura lill-poplu. U jien kburi li kont preżenti f’dawn il-kawżi għax dejjem emmint li din kienet l-akbar serqa u dejjem emmint li għandi nkun fuq in-naħa tas-sewwa u fuq in-naħa tal-poplu Malti u Għawdxi.

Deċiżjoni li tħammar wiċċ il-Gvern
Dan kollu juri li din id-deċiżjoni tħammar wiċċ il-Gvern ta’ Robert Abela u wieħed jistaqsi kif Robert Abela ħareġ jgħajjat vittorja… jewwilla Robert Abela u sħabu qed jemmnu l-gideb tagħhom stess… Robert Abela u sħabu li ffrodaw lill-poplu li tilef.
Din id-deċiżjoni tal-Arbitraġġ Internazzjonali tal-Kamra tal-Kummerċ tikkonferma wkoll il-kollużjoni bejn il-Gvern PL u l-privat; kollużjoni kontra l-poplu Malti u Għawdxi li hu l-akbar vittma f’din is-saga.
Aħna mill-Oppożizzjoni nwiegħdu li se nkomplu naħdmu favur il-poplu Malti u Għawdxi biex ikollu servizzi tas-Saħħa li jixirqulu. Għalhekk fid-Diskors tiegħi tal-Baġit ħabbart ħamsin proposta li jinkudu l-bini ta’ sptar ġdid f’Malta u sptar ġdid f’Għawdex; li jinkludu investiment qawwi fil-qasam tas-saħħa mentali, fil-kura paljattiva waqt li niżguraw li ma jkunx hemm mediċini out-of-stock. Irridu u se nagħmlu l-aqwa servizzi tas-Saħħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Novembru, 2025.