Internazzjonali

Renju Unit: Iħejji għal friża rari wara l-maltempata Claudia

Ir-residenti  fin-naħat ta’ fuq tal-Ingilterra, l-Iskozja u Wales qegħdin iħejju għal ġranet ta’ maltemp qalil iddominati mill-irwiefen li neżlin għal fuq dawn l-artijiet mir-reġjun tal-Artiku…Dan meta l-meteoroloġisti Britanniċi qed ibassru temperaturi ta’ seba’ gradi taħt iz-zero matul din il-ġimgħa.

Din il-fażi ta’ kesħa partikulari għandha tolqot il-Gżejjer Britanniċi dritt wara li l-pajjiż ġarrab l-impatt ta’ maltempata kbira – Storm Claudia – li ħalliet kaos partikulari fl-inħawi ta’ Wales.

Fil-fatt, għexieren ta’ nies kellhom ikunu salvati minn djarhom u b’oħrajn jispiċċaw evakwati mill-belt ta’ Monmouth wara li l-ilma tax-Xmara Monnow faqa’ liz-zoni fil-madwar.

Fl-aħħar jiem, kien hemm anki ħalbiet tax-xita rekord lejn ix-xlokk ta’ Wales u f’Worcestershire, fl-Ingilterra u bil-meteoroloġisti, issa, qed iwissu lill-pubbliku biex jipprepara għall-irwiefen iffriżati kontinwi.

Dan ukoll meta jidher li l-Britanniċi mhumiex se jkollhom ċans għal ftit nifs wara l-elementi tal-Maltempata Claudia – bl-ogħla temperaturi madwar ir-Renju Unit mistennija jkunu bejn ħames u għaxar gradi Celsius matul il-ġurnata – qabel jinżlu taħt iz-zero waqt l-iljieli.