Il-Partit Repubblikan fil-Gvern jinsab ansjuż ħafna dwar dak li għandu joħroġ minn diversi dokumenti klassifikati u li l-kontenut tagħhom jista’ ikun ferm embarazzanti għall-President Amerikan Donald Trump…Dokumenti, jew files, li, fost oħrajn, kapaċi jitfgħu dell tqil fuq il-karattru ta’ Trump bħala Mexxej ta’ pajjiżu.
Fil-fatt, l-hekk imsejħa Epstein Files kapaċi jikxfu dettalji koroh tal-assoċjazzjoni twila ta’ snin ilu bejn Trump u Jeffrey Epstein, il-pedofelu biljunarju Amerikan li qatel lilu nnifsu f’ħabs ta’ New York…Dan meta, illum, magħruf li Epstein kien ilu żmien protagonista fit-traffikar u l-abbuż sesswali ta’ tfajliet minorenni li kienu jispiċċaw l-iskjavi ta’ ħbieb sinjuri u influwenti tal-biljunarju..
L-analisti jaqblu li Trump qed jibża ‘il-każ Epstein’ jista’ jħallih espost għal disprezz u redikolu anki fost il-partitarji Repubblikani, inklużi s-segmenti tal-poplu li jħaddnu l-politika ta’ MAGA (Make America Great Again) …Politika li Trump stess kien introduċa snin ilu.
L-isem formali tal-abbozz li tressaq biex il-poplu jsir jaf eżatt x’fihom il-files huwa The Epstein Files Transparency Act…Abbozz intiż biex id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan jippubblika r-rekords kollha, flimkien mad-dokumenti, komunikazzjonijeit u materjal investigattiv relatati għal Jeffrey Epstein.
U waqt li r-rapporti qalu li l-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington qed ‘tikkunsidra’ jekk tippubblikax dawn il-files, l-entità tal-media diġitali Politico qalet li vot deċiżiv dwar id-dokumenti jista’ jittieħed anki sa nhar it-Tlieta.
Dan ukoll meta Mike Johnson, l-Ispeaker tal-Kamra, qal li għandu jressaq abbozz għall-vot ‘matul il-ġranet li ġejjin’.
Donald Trump ilu jiffaċċja kritika mingħand id-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni, kif ukoll mingħand xi deputati tal-partit tiegħu dwar il-mod kif hu rreaġġixxa għall-files li jirrelataw għal Epstein…Dan meta l-President Amerikan għamel minn kollox biex jimminimizza l-importanza tad-dokumenti u biex jitfa’ kollox taħt it-tapit.
Iżda jibqa’ il-fatt li Trump u Epstein kienu ħbieb kbar għal snin qabel tal-ewwel qabad it-triq tal-politika.Hu wkoll minnu li Epstein, fl-aħħar snin, indika li kellu ‘ħafna x’jikxef dwar il-President li kieku xtaq li jagħmel dan’.
Intant, Donald Trump qed jgħid li hu u Epstein kienu kisruha bil-kbir fil-bidu tal-elfejnijiet u ftit tas-snin qabel il-biljunarju pedofelu kien inżamm taħt arrest. Fl-istess ħin, Trump qed jiċħad kategorikament li hu qatt kien involut f’imġieba ħażina u inaċċettabbli flimkien ma’Jeffrey Epstein.
Fl-aħħar ġranet, aktar artikolisti u strateġisti politiċi qablu li qed jidher ċar li l-President Trump, akkost ta’ kollox, ma jridx li l-files ta’ Epstein isiru magħrufin fid-dettall. Fil-fatt, il-President qed iwettaq pressjoni anki fuq l-alleati tiegħu biex huma ma jinsistux għal din l-informazzjoni.
Madankollu – u għalkemm il-kwistjoni tista’ ma taffettwax bil-kbir il-popolarità ta’ Trump mal-elettorat – hu kważi inevitabbli li l-kontenut fid-dokumenti jsir magħruf fid-dettall matul il-ġranet li ġejjin….U l-fatt li ħafna mill-votanti Repubblikani jemmnu bis-sħiħ fil-potenzjal għall-abbuż tal-poter ukoll qed jaħdem kontra Trump — b’aktar Amerikani jridu jkunu jafu għalfejn il-files huma daqstant sinifikanti.
//= $special ?>

