Skont l-aħħar survey tal-MaltaToday, id-distakk bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista issa naqas għall-7,602 voti.
Dan is-survey jikkonferma trend ċara – li l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg qed ikompli jissaħħaħ u jnaqqas id-distakk bejn iż-żewġ partiti.
Din ix-xejra bdiet fl-ewwel survey tal-istess gazzetta li sar fil-5 t’Ottubru, propju wara l-elezzjoni tal-Kap tal-PN Alex Borg. U kompliet tikkonsolida ruħa anke fis-survey tal-Ħadd. Dan hekk kif fl-istħarriġ li ħareġ qabel il-budget id-distakk kien ta’ 8,400 vot – biex issa kompla jonqos għal 7,600 vot.
Wara dak li Robert Abela ddeskrivieh bħala “l-aqwa budget ta’ kull żmien”, wieħed kien jistenna li l-Labour iżid il-voti u jkabbar id-distakk b’mod sostanzjali. Il-fatt li dan ma ġarax – anzi li l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu – qed ikun deskritt bħala pożittiv mmens. Anke meta wieħed iqis l-istrateġija ta’ propaganda sfaċċata li imbarka fuqha l-Gvern fl-aħħar ġimgħat.
Is-survey li ħarġet il-gazzetta MaltaToday juri lill-Partit Laburista għandu appoġġ ta’ 48.7% tal-voti u l-Partit Nazzjonalista 46.1%.
Dan filwaqt li d-distakk bejn Robert Abela u Alex Borg naqas minn 13-il punt f’Ottubru għal 10 punti.
Dan is-survey huwa turija ċara ta’ kemm Alex Borg verament qed jagħmel id-differenza, u li l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija tiegħu qed jikkonvinċi – anke bil-proposti varji li qed jippreżenta.

