Lokali

“Trid tkun persuna bla idea ta’ politika jew mhux Laburist, jekk ma jinkwetakx is-survey” – Edward Zammit Lewis

Trid tkun persuna bla idea ta’ politika jew mhux Laburist, li ma jinkwetakx.

Kienet din l-istqarrija ċara u diretta li għamel il-Membru Parlamentari Laburista Edward Zammit Lewis, fuq il-media soċjali wara li kien qed jifli is-survey tal-Malta Today… survey li ġie ppublikat wara budget li kien imsejjaħ mill-Partit Laburista bħala l-aqwa budget.

Fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, huwa kiteb li huwa inkwetanti li Partit (Laburista) li wettaq tant ġid qiegħed f’riskju li jitlet it-tmun tal-pajjiż minn idejh.

Edward Zammit Lewis żied jgħid li l-Partit Laburista jried jieqaf idejjaq lin-nies bl-għebusija tar-ras fuq issues partikolari li huwa ċar daqs il-kristall li-nies mhux jaqblu magħhom.

‘Hemm bżonn li nisimgħu tassew u ninkludu verament lin-nies li għalxejn warrabna u l-Laburisti li injorajna fi bżonnijiet bażiċi tagħhom’ kiteb Edward Zammit Lewis.

Huwa temm b’dikjarazzjoni li tnissel ħafna mistoqsijiet, hekk kif kiteb; jien nibqa’ dejjem disponibbli li ngħin, jekk dejjem ningħata ċ-ċans, sabiex nara lill-Partit Laburista jirbaħ.

Fl-aħħar jiem Edward Zammit Lewis għamel numru ta’ dikjarazzjonijiet simili fosthom, li l-Kabinett t’ Joseph Muscat kieniktar b’saħħtu minn ta’ Abela, u anka kritika diretta lejn il-kompożizzjoni tal-‘Working Group’ li waqqaf il-Prim Ministru Robert Abela sabiex ikun jista’ jikkonsulta lill-pubbliku dwar l-emendi tal-Ippjanar.